Sqalli ta’ 24 sena minn Gela u f’Malta residenti l-Iklin ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq diversi oġġetti u flus kontanti minn appartament f’Birkirkara. Alessandro Iozza ammetta quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt li fl-aħħar t’Awwissu seraq b’aktar minn €2,000 f’oġġetti u li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li dan kien każ ta’ darba minħabba s-sitwazzjoni li kellu mal-ex sieħba tiegħu. Innotat ukoll li din is-sitwazzjoni issa hija xi ħaġa tal-passat. Il-Maġistrat Gatt ħa wkoll inkonsiderazzjoni wkoll li ż-żagħżugħ wieġeb ħati fi stadju bikri tal-proċeduri u li radd minn jeddu l-affarijiet misruqa qabel ma tressaq il-Qorti.
Fattur ieħor favut l-akkużat hija l-kondotta tiegħu. Kien għalhekk li l-qorti tat sentenza sospiża iżda ġie mwissi bil-konsegwenzi jekk jerġa’ jxellef difru mal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.
//= $special ?>