Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li refgħet idejha fuq ħuha

Mara ta’ 53 sena minn San Ġwann li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Elaine Rizzo wara li ammettiet li refgħet idejha fuq ħuha u kkaġnatlu feriti gravi u laqtet lil ommha li kkaġunatlilha ġrieħi ħfief. Dan kollu waqt argument fid-dar tal-ġenituri fiż-Żejtun.

L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li nhar it-Tnejn, 28 ta’ Awwissu daħal rapport fid-Domestic Violence Unit fejn raġel stqarr li kien inqala’ argument familjari bejn il-ġenituri tiegħu. Waqt l-argument huwa qal li sema’ lil missieru jċempel lill-ħatja u jgħidilha li kien qed isawwtu ibnu, li jiġu.

L-imputata kienet marret fir-residenza fejn tat daqqa lil ħuha ġo ħalqu u kissritlu xi snien. Kien dak il-tal-inċident li ntlaqtet l-omm. L-imputata qalet lill-Pulizija li hi kienet qed tiddefendi lil missierha u li missierha kemm-il darba kien jiġi msawwat minn ħuha imma qatt ma ried jirrappurtah minħabba li ibnu jinsab fuq libertà proviżorja.

Fil-fatt irriżulta li l-vittma għandu żewġ każijiet pendenti wkoll tra’ vjolenza domestika f’każijiet li m’għandhomx x;’jaqsmu, allegatament fuq l-eks mara u s-sieħba tiegħu.

Il-mara, li fl-awla kienet assistita mill-Avukat Amadeus Cachia, wieġbet ħatja għall-akkużi li kkaġunat ġrieħi gravi lil ħuha u ġrieħi ħfief lil ommha. Kien l-Avukat Cachia li għamel talba biex isem l-akkużata ma jixxandarx, liema talba ntlaqat ukoll sabiex tipproteġi l-identità tal-familja.

Il-Magistrat Elaine Rizzo ordnat lil mara biex bl-ebda mod ma tkellem jew tagħmel kuntatt ma’ ħuha jew ommha għall-perjodu ta’ sena.