Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal studenta Vjetnamiża wara li użat passaport mhux tagħha

Qorti kkundannat sitt xhur ħabs studenta Vjetnamiża ta’ 26 sena li tattendi l-MCAST li ħalliet it-tarbija tagħha ta’ ġimgħatejn fil-Vjetnam biex tivvjaġġa lejn l-Ewropa billi tuża passaport ta’ persuna oħra. Nguyen Thi Hanh kienet parti minn grupp kbir ta’ nies li kienu arrestati fl-ajruport fit-2 ta’ Settembru b’rabta ma’ dak li l-pulizija ddeskriviet bħala racket tal-visa fuq l-ivvjaġġar.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ppresediet il-Qorti tal-Maġistrati semgħet lill-Ispettur Karl Roberts jakkuża lil Hanh li kellha fil-pussess tagħha u pprovat tuża, passaport li kien inħareġ lil persuna oħra. Hija ġiet akkużata wkoll li għamlet rappreżentazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

L-imputaa dehret eċitata ħafna fl-iżbarra fejn bdiet ukoll tagħmel xi eżerċizzji tan-nifs biex tikkalma lilha nnifisha. L-Avukat Luke Valletta, li kien qed jirrappreżenta lill-mara bħala avukat tal-għajnuna legali, f’isimha ressaq dikjarazzjoni ta’ ħtija.

L-Ispettur Roberts qal lill-qorti li każijiet bħal dawn kienu saru wisq komuni, u ddeskriva s-sitwazzjoni tal-ħruġ tal-viża bħala “kważi racket.” Il-qorti qablet, u nnotat li minkejja li s-sentenzi ta’ kustodja kienu qed jingħataw bħala rutina, dawn qed “jibqgħu ġejjin.”

Valletta qal lill-Qorti li l-mara kienet għadha kif welldet tifla fil-Vjetnam u argumenta għal sentenza sospiża, flimkien ma’ ordni ta’ deportazzjoni immedjata. “Hemm racket għaddej bħalissa li jinvolvi ċittadini Vjetnamiżi,” qal l-ispettur tal-pulizija lill-qorti. “Huma jħallsu ammonti kbar, sa €18,500 biex jiksbu viża ta’ student biex jiġu Malta, iżda m’għandhom l-ebda interess li jitgħallmu.”

Huwa qal lill-Qorti li kien “fatt magħruf” li Malta hija l-eħfef post biex tinkiseb viża ta’ Schengen. Hanh kienet qalet lill-pulizija li kellha l-ħsieb li tivvjaġġa ‘l quddiem lejn Budapest, u żied li hija kienet ħalliet lit-tarbija tat-twelid tagħha taħt il-kura ta’ ommha, lura fil-Vjetnam.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit wissiet lill-imputata li kieku kellha tikkonferma l-ħtija tagħha, hija kienet se tingħata sentenza ta’ ħabs, u wara tiġi deportata. L-ammissjoni tal-ħtija kienet ikkonfermata, minkejja t-twiddiba.

Filwaqt li nnutat il-kooperazzjoni tagħha mal-pulizija u l-piena ta’ ħatja bikrija, il-qorti ikkundannat lill-mara għal sitt xhur ħabs, il-piena minima applikabbli fiċ-ċirkostanzi. L-avukat tagħha ta avviż ta’ appell li qal li qed jistudja l-possibblità li jagħmel dan fiċ-ċirkostanzi.