Raġel li reġa’ beda jabbuża mid-droga ftit wara li temm programm ta’ riabilitazzjoni għal sena ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs bit-tama li jista’ jgħix ħajja ħielsa mid-droga u mill-kriminalità malli jinħeles. Ramon Attard, żagħżugħ ta’ 26 sena residenti Birzebbugia, reġa’ kiser il-liġi ftit jiem biss wara li għadda minn programm twil ta’ riabilitazzjoni biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Madankollu, wara argument ma’ ommu, iż-żagħżugħ naqas milli jirritorna d-dar għal diversi jiem. Meta eventwalment ġie ntraċċat fil-Pieta’ fit-30 ta’ Awwissu, instab fil-pussess ta’ qartas ta’ droga sintetika, li tiżen 2.01 grammi, bil-pakkett b’kollox.
Dan kien ifisser akkużi kriminali ġodda fil-konfront ta’ Attard li, meta tressaq il-qorti l-ġimgħa li għaddiet, wieġeb ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, sempliċi pussess tad-droga kif ukoll li sar reċidiv.
Huwa nżamm arrestat sakemm ingħata is-sentenza t-Tnejn. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, osservat li l-ksur ta’ pleġġ kien reat serju li jwassal għal konsegwenzi serji. L-akkużat kiser kemm il-darba l-liġi matul l-aħħar snin, din id-darba għal abbuż tad-droga ftit wara li temm ir-riabilitazzjoni.
Terminu effettiv ta’ priġunerija kienet il-piena xierqa biex iżżommu ‘l bogħod mid-droga, fi spazju ristrett fejn ikun jista’ jirċievi l-għajnuna meħtieġa, qalet il-Qorti.
L-avukat tal-akkużat, David Gatt, kien talab lill-qorti biex ma tordnax il-konfiska tal-flus tal-bail li kienu tħallsu mill-qraba ta’ Attard fit-tentattiv tagħhom biex isostnuh mill-aħjar li setgħu. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dik it-talba.
Għalkemm il-konfiska tal-pleġġ hija obbligatorja wara kundanna, il-liġi ppermettiet id-diskrezzjoni tal-qorti biex tiddetermina l-ammont li għandu jiġi kkonfiskat. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Maġistrat Rizzo ordnat l-konfiska ta’ €50.
Mal-ammissjoni tal-akkużat, il-Qorti kkundannatu sitt xhur ħabs effettiva u multa ta’ €100, filwaqt li rrevokatlu wkoll il-libertà proviżorja. Nisperaw li meta joħroġ mill-ħabs, Attard ikun jista’ jevita d-droga u jgħix ħajja indipendenti u stabbli ‘l bogħod mill-kriminalità, qalet il-Qorti. L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mexxew il-prosekuzzjoni.