Gazzetti Lokali

EDITORJAL: Bħal-lum 25 sena bdilna r-rotta

Kitba tal-editur ta' IN-NAZZJON Joe Cassar

Bħal-lum 25 sena – il-5 ta’ Settembru tal-1998 – il-Maltin u l-Għawdxin ħarġu minn djarhom biex jivvutaw f’elezzjoni bikrija daqskemm storika. Elezzjoni li r-riżultat tagħha ta rebħa lill-Partit Nazzjonalista wara biss 22 xahar fl-oppożizzjoni. Kienet rebħa storika u importanti għall-Partit Nazzjonalista. Imma fuq kollox kienet rebħa kbira u storika għal pajjiżna. Għall-futur tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Gvern Laburista ta’ Alfred Sant, li rebaħ l-elezzjoni tal-1996, kien iddeċieda li jbiddel kompletament ir-rotta li fiha kien miexi pajjiżna sa dakinhar. Rebaħ bl-għajta qarrieqa li se jneħħi l-VAT biex imbagħad daħħal sistema ta’ tassazzjoni komplikata u li biha staġna l-ekonomija. Iffriża l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea bir-riżultat li pajjiżna spiċċa bla direzzjoni u jaqdef għal rasu. Gvern li introduċa 33 taxxa u għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fi żmien li l-prezz taż-żejt kien fl-anqas livelli. Il-qgħad sploda u l-investiment nixef. Gvern li rnexxielu jagħmel ħerba fi ftit xhur.

Il-poplu vvota… u għamel l-aħjar għażla

Iżda l-għażla li għamel il-poplu bil-vot tiegħu bħal-lum 25 sena kkanċellat id-deċiżjoni li kien ħa 22 xahar qabel u reġa’ għadda t-tmun f’idejn il-Partit Nazzjonalista. Kienet għażla għaqlija ta’ poplu li fissret li l-pajjiż kien se jirritorna fit-triq it-tajba, fir-rotta li kien miexi fiha qabel l-1996. U ma qatax qalbu l-Partit Nazzjonalista. Reġa’ beda mill-bidu l-proċess tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kellu wkoll jerġa’ jibda jibni mill-ġdid il-fiduċja f’pajjiżna, kemm fost il-poplu u fl-investituri. Imma id f’id mal-poplu t-triq iebsa ta’ quddiemu telagħha sal-quċċata minkejja l-ostakli u l-intoppi li sab matul il-mixja tiegħu.

Ħadd ma ddispjaċih

Illum, 25 wara, kulħadd jaf min kien fit-triq it-tajba u min kien fit-triq żbaljata. Il-poplu fehem min tassew ried u għadu jrid l-aħjar għal pajjiżna. Illum ħadd ma ddispjaċih mid-deċiżjoni ta’ 25 sena ilu. Kellu triq iebsa l-Partit Nazzjonalista. Triq għat-telgħa. Għax minflok sab lil kulħadd warajh sab ir-ras iebsa tal-Oppożizzjoni Laburista li kompliet fit-triq ta’ kontra s-sħubija anki wara t-telfa elettorali b’kampanja aggressiva u qarrieqa għar-referendum li sar fl-2003 dwar is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Iżda l-maġġoranza tal-poplu baqgħet soda wara l-viżjoni u l-valuri sodi tal-PN, li sab l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta anki fir-referendum għas-sħubija fl-UE. Il-poplu baqa’ wara l-PN anki fl-elezzjoni ġenerali li kellha tissejjaħ immedjatament wara r-riżultat tar-referendum, għaliex kienet għal darb’oħra r-ras iebsa tal-Oppożizzjoni Laburista li baqgħet ma tridx taċċetta r-rieda tal-poplu.

Il-passat jgħallimna

Illum, 25 sena wara, it-tmun tal-pajjiż jinsab f’idejn il-Partit Laburista, li reġa’ bagħat lil Malta lura. Kissrilha r-reputazzjoni tajba li bi tbatija kbira bnejna ma’ kulħadd. Introduċa tmexxija ta’ abbuż ta’ poter, ta’ korruzzjoni, ta’ tmermir tal-valuri li dejjem iddistingwewna bħala poplu. Tmexxija li wasslet għal għoli tal-ħajja sfrenat li qed iwassal għall-faqar ta’ bosta familji. Gvern li ġab diżastru ambjentali u falliment anki fl-iktar affarijiet bażiċi.

Irid jerġa’ jkun il-poplu li jagħraf għal darb’oħra min għandu l-aħjar viżjoni għal pajjiżna. Irid jerġa’ jkun il-poplu li mal-ewwel opportunità jbiddel għal darb’oħra r-rotta ħażina li miexi fiha pajjiżna bħalissa.

Għandna ħafna x’nitgħallmu minn dak li seħħ bħal-lum 25 sena. L-istorja tista’ terġa’ tirrepeti ruħha.