Il-Ministeru Franċiż għall-Edukazzjoni konferma li mat-300 tfajliet tal-iskola, nhar it-Tnejn, kienu marru għal-lezzjonijiet lebsin l-abaya – il-libsa twila għan-nisa Musulmani li hi projbita mill-awtoritajiet tal-iskejjel f’dan il-pajjiż.
Filwaqt li hemm min qed iqis l-aġir bħala ‘sfida lill-awtoritajiet’, is-sorsi infurmati qalu li l-maġġoranza tat-tfajliet – fil-parti kbira ta’ 15-il sena u aktar — qablu li jidblu ħwejjiġhom b’konformità mar-regoli stabbiliti.
Il-każi inkwistjoni kienu trattati fuq bażi individwali u bl-istaff tal-iskejjel jinvolvu ruħhom fi djalogu mat-tfajliet skont l-istruzzjonijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Madankollu, 67 minn fost it-tfajliet irrifjutaw ‘li jmorru kontra t-twemmin tagħhom’ u b’konsegwenza li huma ntbagħtu lura lejn id-dar. Mifhum li l-familji ta’ dawn it-tfajliet issa qed ikunu involuti f’taħditiet mal-awtoritajiet tal-iskejjel u jekk kemm-il darba jibqgħu jwebbsu rashom dwar l-abaya, uliedhom x’aktarx li jispiċċaw esklużi mill-klassijiet.
U waqt li l-Gvern Franċiż jemmen li d-direttivi, fil-parti kbira, qed ikunu aċċettati, il-qrati fl-aħħar sigħat kienu qed jistennew rikors legali mingħand grupp li qed jirrappreżenta segment tal-Musulmani residenti fi Franza.
//= $special ?>

