Telqa. Wires Mikxufin. Periklu. Fejn hemm żoni bid-dawl u fejn hemm dlam ċappa. Xogħol li tħalla nofs leħja.
Din hija s-sitwazzjoni fil-bypass l-antika li tagħti għal Marsaskala hekk kif ix-xogħolijiet li bdew 4 snin ilu qatt ma tlestew u preżentament f’din it-triq għad hemm diversi nuqqasijiet.
Għalkemm it-tarmak lest u bosta nies faħħru l-fatt li l-lane tar-roti hija waħda sigura, f’din it-triq għad hemm ħafna nuqqasijiet. Dan hekk kif il-maġġoranza tat-triq tinsab bla dawl filwaqt li t-tliet bozzoz li poġġew f’żona partikolari ilhom mixgħulin lejl u nhar għal 8 xhur sħaħ.
Apparti minn hekk, il-maġġoranza tal-arbli tad-dawl jinsabu bil-wires mikxufin; filwaqt li ftit minnhom tgħattew bi fliexken tal-plastik. Jispikka wkoll il-fatt li fil-bankina għad hemm gandot fejn faċilment wieħed jista’ jaqa’ u jweġġa’ serjament.
Iżda l-aktar ħaġa li tispikka hija t-telqa totali li hemm f’din it-triq b’numru ta’ barriers mitluqin fuq il-bankina jew saħansitra fil-ħaxix.
Jidher ukoll in-nuqqas ta’ pjanar f’din it-triq hekk kif hemm ħitan li mhux kompluti kif ukoll bil-marki tal-bus stop qegħdin f’post u t-tabella qiegħda ferm aktar ‘il quddiem – sitwazzjoni li qed toħloq konfużjoni sħiħa għal dawk li jkunu jridu jużaw tallinja għaliex ma jafux fejn se jaqbdu jistennew.
Dan il-proġett beda lura fl-2019 – u erba’ snin wara din it-triq qatt ma tlestiet kompletament. B’numru ta’ persuni jappellaw sabiex dan il-proġett jitlesta.
Din is-sitwazzjoni qed tkompli żżid il-frustrazzjoni għall-fatt li diversi proġetti madwar pajjiżna qed jitħallew nofs leħja jew saħansitra qed idumu s-snin biex jiġu konklużi.
//= $special ?>