Lokali Temp

Grigalata li se tolqot lil pajjiżna minn għada; riħ qawwi u temperaturi taħt it-30ºC

Spanja milquta minn maltemp u għargħar

Tal-anqas tliet persuni tilfu ħajjithom u tlieta oħra għadhom rappurtati nieqsa wara li xita qawwija ikkawżat għargħar f’diversi partijiet ta’ Spanja. Dan hekk kif it-toroq ta’ Madrid, ta’ Valencia u diversi zoni fir-reġjun tal-Katalunja spiċċaw inbidlu fi xmajjar ta’ tajn – bl-ilmijiet ikaxkru dak kollu li sabu quddiemhom.

Diversi ħelikopters ġew mibgħuta fl-agħar zoni milquta mill-għargħar. U s-sitwazzjoni tant kienet gravi li f’xi irħula kien hemm familji li spiċċaw sabu refuġju fuq il-bjut tagħhom.

Apparti il-maltemp fi Spanja, anke iċ-ċiklun li żviluppa fuq il-baħar Ionju qed iqajjem tħassib; b’dik li qed tissejjaħ il-maltempata ‘Daniel’ riesqa min-naħa tal-Greċja lejn Sqallija – għalkemm esperti qed jgħid li ċ-ċentru tagħha mhux se jolqot il-gżejjer Maltin.

L-awtoritajiet Taljani qed jgħidu li l-agħar ta’ dan iċ-ċiklun se jinħass lejn il-Punent ta’ Sqallija u anke fir-reġun ta’ Kalabrija. Dan it-temp estrem se jestendi sa nhar il-Ġimgħa li ġej.

Fil-każ ta’ Malta, jidher li se tkun qed tolqotna biss it-tarf ta’ din il-maltempata. U fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, diġa’ kellna l-ewwel ħalbiet ta’ xita.

It-tbassir tat-temp qed jindika li matul il-jum tal-Erbgħa se jkollna Grigalata li se ġġib magħha xita bir-ragħad. Dan filwaqt li fil-jumejn ta’ wara se jippersisti r-riħ qawwi.

Sfortunatament, anke it-8 ta’ Settembru – festa pubblika – se tkun immarkata bix-xita. U minn issa sa dakinhar, it-temperaturi se jinżlu taħt it-30 grad.

L-istess tbassir tat-temp qed jindika li fi tmiem il-ġimgħa, ir-riħ se jbati sew. U l-Ħadd mistennija tirritorna x-xemx.