Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Ton Ton Laferla jirbaħ ir-RMYC Twilight Race Series

Ton Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin, rebaħ ir-Royal Malta Yacht Club Twilight Race Series ta’ din is-sena, meta rebaħ tlieta mill-erba’ tiġrijiet li saru matul is-sajf.

Fit-tieni post temm Juniper, ta’ Brian Flahive li kellu wkoll wirjiet pożittivi f’din is-Serje.

Pep ta’ Mark Camilleri, kiseb it-tielet post, fejn rebaħ fl-aħħar tellieqa li kien biżżejjed biex temm fost l-ewwel tlieta.

L-RMYC Twilight Series intemmet bir-raba’ u l-aħħar tellieqa. Serje li ġibdet baħrin b’ħiliet differenti fil-kategoriji Racers u Cruisers għal tlielaq qosra.

David Cremona, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club irrimarka li l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet aktar popolari mis-soltu, bi flotta b’saħħitha tieħu sehem f’kull tellieqa.

L-impenji li jmiss għall-RMYC huma r-Regatta ta’ Lampedusa fis-7 ta’ Settembru li hija meqjusa bħala opportunità ta’ taħriġ tajba għall-ekwipaġġi li se jkunu qed jikkompetu fir-Rolex Middle Sea Race li ssir f’Ottubru .