Lokali

L-ISKANDLU TAL-BENEFIĊĊJI SOĊJALI: “Din hija kriminalità organizzata” – Martin Balzan

“Kollox qiegħed jindika li din hija għanqbuta kbira ta’ kriminalità organizzata.”

Sostna dan il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan f’intervista ma’ Net News fejn tkellem dwar l-iskema ta’ frodi fil-benefiċċji soċjali żvelata fl-aħħar jiem …u li allegatament hemm involut fiha l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti, il-customer care ta’ Kastilja u numru ta’ Ministri preżenti u uffiċjali għolja.

It-tabib Balzan fakkar kif fid-dokumenti foloz li ntużaw sabiex tal-inqas 800 persuna bbenefikaw minn dan is-serq istituzzjonalizzat…intużat saħansitra il-frima u t-timbru tiegħu u ta’ sħabu.

Huwa saħaq li biex dan il-frodi kien jestendi għal dan il-kobor kollu u l-ammonti kbar bilfors li din kienet xi għanqbuta kbira. Il-President tal-MAM irringrazzja lill-Pulizija tal-ħidma tagħhom iżda insista li hemm bżonn li jsiru aktar investigazzjonijiet sabiex jinqabad il-moħħ wara din l-iskema ta’ frodi.

Qalb l-allegazzjonijiet li hemm potenzjalment il-customer care ta’ Kastilja involut, bl-aġir allegatament iseħħ anke taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela  – Martin Balzan sostna li huwa ma tkellem ma ħadd rigward is-suġġett għajr mal-Pulizija illi staqsewh xi domandi minħabba li l-firma tiegħu kienet fuq id-dokumenti.

Madanakollu huwa insista li dawn in-nies li ġew iċċertifikati b’mod fażull qatt ma kienu pazjenti tiegħu; fatt li l-awtoritajiet kompetenti setgħu faċilment iċċekkjaw.

Il-President tal-MAM ħeġġeġ sabiex il-ġurnalisti jistaqsu lill-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Falzon dwar dan l-iskandlu – hekk kif aktar kmieni din is-sena huwa saħaq li fl-aħħar 10 snin nqabdu ‘il fuq minn 10,000 persuna li kienu qed jibbenefikaw minn benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom.

Għaldaqstant mhux eskluż li hemm aktar minn 800 persuna li kienu parti minn din l-iskema ta’ serq u frodi minn flus il-poplu.