Hekk kif din il-ġimgħa huwa mbassar li pajjiżna se jintlaqat minn maltemp u riħ qawwi, il-ftuħ uffiċjali tal-EuroPride issa ġie trasferit għall-MFCC f’Ta’ Qali sabiex il-programm ma jitħarbatx.
Dan ifisser li fis-7 ta’ Settembru ċ-ċelebrazzjonijiet li jagħtu bidu għal dan l-avveniment mifrux fuq għaxart ijiem se jsir fl-MFCC bil-Pride Village; li se jkun f’dan il-post b’mod temporanju.
S’issa huwa pjanat li mill-11 ta’ Settembru li ġej il-programm ikompli kif pjanat bil-Pride Village fi Pjazza Tritoni bil-qofol ta’ dan kollu jintlaħaq fis-16 ta’ Settembru hekk kif se tkun organizzata il-Pride March. U wara, se jkun hemm il-kunċert tant mistenni fejn fost l-oħrajn se tieħu sehem il-kantanta ta’ fama internazzjonali Christina Aguilera.
Malta qed tospita d-29 edizzjoni tal-EuroPride fejn matul dawn l-għaxart ijiem se jkun hemm diversi diskuzzjonijiet li jitrattaw temi varji – fosthom is-saħħa, l-irwol tar-reliġjon, u r-relazzjonijiet differenti.
Dan l-avveniment se jservi bħala pjattaform għall-attiviżmu sabiex ikompli jiżdied l-għarfien dwar il-komunità LGBTIQ+ b’mod speċjali wara li it-Tnejn ġie vandalizzat poster li jippromovi dan l-avveniment.
//= $special ?>