Internazzjonali

Ir-Russja: Tħassib dwar laqgħa imminenti bejn Putin u Kim Jong-un – u x’tista’ tfisser għall-iżviluppi fl-Ukrajna

L-Alleati tal-Punent huma mħassbin ħafna dwar il-possibbiltà li l-Korea ta’ Fuq komunista tipprovdi l-armamenti lir-Russja bħala appoġġ għall-gwerra li l-Kremlin ilu jmexxi fl-Ukrajna għal aktar minn sena u nofs.

Sitwazzjoni bħal din għandha teskala l-konflitt fuq livell imprevedibbli u b’konsegwenzi dinjija – u meta l-Istati membri tan-NATO qed iħejju diġà għal sfida ġdida potenzjali.

Il-proviżjoni ta’ armamenti lir-Russja mistennija tkun diskussa ladarba l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un jivvjaġġa lejn Moska matul dan ix-xahar. Filwaqt li ma ssemmiet l-ebda data uffiċjali, kollox qed jindika li l-laqgħa bejn Kim u l-President Russu Vladimir Putin hi, fil-fatt, imminenti – anki jekk is-sorsi viċin il-Kremlin ‘ma kellhom l-ebda kumment’ dwar dan.

Lanqas il-Korea ta’ Fuq mhi tikkummenta wara li l-White House fl-Istati Uniti qal li waslitlu informazzjoni ġdida dwar ‘negozjati avvanzati bejn Moska u Pyongyang rigward il-proviżjoni ta’ armi lit-truppi ta’ Putin’.

John Kirby, bħala l-kelliem għall-Kunsill għas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, qal li l-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, waqt żjara riċenti fil-Korea ta’ Fuq. ipprova ‘jikkonvinċi lir-reġim komunista biex ibiegħ il-munizzjon tal-artillerija lir-Russja’.

Jista’ hu wkoll sinifikanti li, waqt il-mawra ta’ Shoigu, kienu preżentati varjetà ta’ armamenti, fosthom il-missila ballistika interkontinentali tat-tip Hwasong, u meta Kim Jong Un kien qed jiftaħ pajjiżu għall-ewwel darba lill-mistednin minn barra miż-żmanijiet tal-Covid-19.

John Kirby kompla li Putin u Kim Jong Un bagħtu l-ittri lil xulxin fejn wiegħdu żieda fil-kooperazzjoni bilaterali u bl-Istati Uniti, issa, qed tħeġġeġ biex Pyongyang  jirrispetta l-impenji biex ma jipprovdix jew ibiegħ l-armamenti lir-Russja.

L-aħħar laqgħa bejn Kim Jong Un u Vladimir Putin kienet saret fir-Russja fl-2019 u l-Istati Uniti, fil-preżent qed twissi li lesta tieħu azzjoni – li tinkludi l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet – f’każ li l-Korea komunista tiddeċiedi biex tassew tissupplixxi l-armamenti lill-Armata tal-Kremlin.