Hekk kif issa dħalna fil-bidu tax-xahar ta’ Settembru, il-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar tibda tiprepara għal Festa ddedikata lil Madonna tal-Grazzja – festa li tiġbed lejha eluf ta’ nies minn madwar il-pajjiż.
Madanakollu bosta Żabbarin din is-sena huma ferm urtati għal fatt li diversi xogħlijiet ta’ manutenzjoni għadhom mhux lesti fil-lokalità; fost l-oħrajn fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa.
Dan hekk kif wara xhur sħaħ ta’ ħidma, ix-xogħol f’din it-triq għadu għaddej, u prattikament għadu nofs leħja.

Dan ifisser li matul il-jiem ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Festa – kawża ta’ dawn ix-xogħlijiet – l-aċċess mill-Fgura għal Ħaż-Żabbar huwa biss minn Triq il-Mina ta’ Hompesch; it-triq parallela ma’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa.
Dan għaliex hija miftuħa biss il-karreġġjata minn Ħaż-Żabbar direzzjoni lejn il-Fgura; li wara x-xogħolijiet issa tnaqqset għal karreġjata waħda.
Dan ifisser ukoll li m’hemm ebda lok sabiex jipparkjaw il-vetturi f’din it-triq, kemm għal min issoltu jimxiha minn din it-triq lejn il-pjazza ċentrali ta’ Ħaż-Żabbar…kif ukoll min jipparkja sabiex iżur il-Park ta’ San Klement.
Għaldaqstant preżentament l-aċċess għal Ħaż-Żabbar huwa jew mit-triq tal-mina ta’ Hompesh…jew inkella mill-Birgu – fattur li qed joħloq inkonvenjent kbir.
