Lokali

“Jekk il-Ministru Falzon kien jaf jew agħar minn hekk sar kollox taħt imnieħru għandu jerfa’ responsabbiltà politika” – Repubblika

Dan huwa skandlu kbir. Din hija skema ta’ serq u abbuż minn flus il-poplu u s-servizzi soċjali – jekk dan kollu sar bl-għarfien tal-Ministru għas-Servizzi Soċjali Michael Falzon jew agħar minn hekk lanqas biss kellu idea ta’ dak li kien qiegħed iseħħ…allura Falzon għandu jerfa’ responsabbiltà politika.

Sostna dan il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, fejn insista li l-iskandlu żvelat mill-ġurnal Times of Malta u l-avukat Jason Azzopardi juri li hemm mijiet ta’ persuni involuti. Dan hekk kif kien żvelat li madwar 800 persuna spiċċaw igawdu minn benefiċċji soċjali li mhux suppost kienu intitolati għalihom.

F’din l-iskema kienu allegatament qed jintużaw firem foloz sabiex mijiet ta’ persuni jiġu ċċertifikati b’mod fażull li qed isofru minn mard jew kundizzjonijiet serji.

Fost dawn il-persuni hemm għexieren li diġà ammettew u saħansitra kixfu lil ħaddieħor….

u issa Repubblika qed tistaqsi min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà mhux biss legali imma aktar minn hekk politika għal dan l-aħħar skandlu.

Robert Aquilina staqsa għal liema raġuni l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma talabx li tinħatar Inkjesta Maġisterjali biex l-evidenza kollha tiġi ppreservata u mhux beda jressaq lin-nies il-Qorti baxx baxx.

Għal darb’oħra staqsa lill-Prim Ministru meta sar jaf b’dan l-iskandlu; aġir sintomatiku tal-Labour fil-Gvern fl-aħħar 10 snin. 

Il-President ta’ Repubblika sostna li l-ħut il-kbir għandu jirrispondi, li l-poplu ħaqqu jingħata rendikont sħiħ ta’ dak li seħħ, li kull ewro misruq minn but iċ-ċittadin għandu jintradd lura. Dan filwaqt illi insista li għandha tintrefa responsabbiltà politika minn min kien jaf b’dan kollu u għażel li jaħbih.