Id-difensur internazzjonali tal-Panama Gilberto Hernandez inqatel fil-Belt ta’ Colon wara li żewġ irġiel fetħu n-nar fuq bini, bil-plejer ta’ CA Indipendiente jinqatel u sebgħa oħra sfaw feruti.
Skond rapporti fil-media internazzjonali, l-irġiel li wettqu r-reat għeddew xuffier tat-Taxi biex iwassalhom fil-post u kif ħarġu mill-karozza bdew jisparaw qabel ma ħarbu mill-post. Huwa rraportat li wieħed minnhom inqabad u kien arrestat mill-Pulizija.
Fl-aħħar xhur, din il-parti tal-Belt fil-Panama rat żieda sostanzjali ta’ omiċidji fejn qed jingħad li żewġ gruppi kriminali qed jiġġieldu fuq negożju relatat mad-droga. Filfatt, din is-sena nqatlu 50 ruħ f’Colon, fejn il-popolazzjoni tammonta għal 40,000 persuna.
Hernandez, li kellu 26 sena, għamel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Panama fit-12 ta’ Marzu li għadda, f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Gwatemala.
Fuq livell ta’ klabbs, huwa ngħaqad ma’ CA Indipendiente l-istaġun li għadda wara esperjenzi oħra fil-Panama ma’ Herrera FC u CD Árabe Unido.
//= $special ?>