Lokali

Robert Abela b’idu marbuta dwar Alessandro Lia li hu n-nominat tal-Labour fl-Awtorità tax-Xandir

Issa għaddew numru ta’ ġimgħat minn meta In-Nazzjon żvela kif l-Avukat Alessandro Lia qiegħed jiffaċċja akkużi kriminali fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ każ ta’ vjolenza domestika iżda sa issa Robert Abela għadu ma ħa l-ebda passi invista li l-istess Avukat Alessandro Lia hu n-nominat tal-Partit Laburista fl-Awtorità tax-Xandir.

L-Avukat Alessandro Lia kien miżżewweġ lill-Maġistrat Nadine Lia u bħalissa għaddejjin minn kawża ta’ separazzjoni quddiem il-Qrati Maltin.

Dak li llum dan il-ġurnal qiegħed jirrapporta hu biss dwar il-mod kif Robert Abela għadu ma ħa l-ebda passi fil-konfront ta’ Alessandro Lia li hu n-nominat tal-Partit Laburista fl-Awtorità tax-Xandir.

Bosta qegħdin jistaqsu kif jista’ jkun li jkollok in-nominat fl-Awtorità tax-Xandir li jkun qiegħed jiġi investigat dwar allegat reat serju ħafna li jista’ jwassal għal snin ta’ priġunerija u Robert Abela jibqa’ gallarija u indifferenti!

Wieħed ma jridx jinsa li tali ħatriet fl-Awtorità tax-Xandir isiru mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru u għalhekk f’każ serju bħal dan aktar u aktar li Robert Abela messu li ilu li aġixxa u ħa l-passi mistennija minnu.

Dan fl-isfond li qiegħda tkompli tippersisti l-mistoqsija jekk inbdewx proċeduri dwar ksur ta’ etika fil-konfront tal-Avukat Alessandro Lia li ftit ilu dan il-ġurnal żvela li fil-fatt kien qiegħed jiffaċċja akkużi kriminali serji relatati ma’ vjolenza domestika u li jġibu pieni ta’ priġunerija fit-tul f’każ ta’ ħtija.

Sitwazzjoni li issa, kif antiċipat, qiegħed jirriżulta li qiegħda ġġib numru ta’ kumplikazzjonijiet fil-Qrati peress li l-eks mara ta’ Alessandro Lia, u li magħha għandu l-kawżi, mhi ħadd ħlief il-Maġistrat Nadine Lia.

Filwaqt li sorsi mill-qasam politiku qegħdin jistaqsu jekk dawn humiex se jirriżenjaw jew inkella jkunu sospiżi mill-karigi pubbliċi rispettivi tagħhom, hemm min qiegħed jistaqsi wkoll jekk inbdewx proċeduri dwar ksur ta’ etika professjonali fil-konfront tal-Avukat Alessandro Lia quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kif normalment jiġri dejjem meta xi avukat jiffaċċja akkużi kriminali.

Hawnhekk l-Avukat Pawlu Lia, bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, jiżdiedlu kunflitt ta’ interess ieħor mal-bosta li diġà għandu peress li kemm-il darba ibnu jkun investigat, allura dan jidher quddiem il-Kumitat tal-Etika tal-Avukati li jaqa’ taħt l-istess Kummissjoni.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li qegħdin fil-fatt isiru mistoqsijiet fis-sens jekk l-Avukat Alessandro Lia hux qiegħed ikun stmat bħal kulħadd u allura jekk inbdewx proċeduri għal ksur ta’ etika li jistgħu jwasslu biex saħansitra jitteħidlu l-warrant minħabba l-gravità tal-akkużi kriminali li qed jiffaċċja u li mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.

Kien dan il-ġurnal li ftit tal-ġimgħat ilu żvela kif f’rapport mill-Qorti fil-jiem preċedenti kien żvelat għall-ewwel darba li l-Avukat Alessandro Lia, li jiġi t-tifel tal-Avukat Pawlu Lia, jista’ jkun li għaddej minn proċeduri kriminali.

Żvelajna li jirriżulta fil-fatt li f’dawk il-jiem kien issemma wkoll li l-Maġistrat Nadine Lia kellha tastjeni milli tkompli tisma’ każ dwar omiċidju proprju minħabba li l-Avukat ta’ Alessandro Lia kien proprju l-avukat kontriha fil-proċeduri.

Irrapportajna li għalhekk issa qed iqumu mistoqsijiet serji kemm dwar jekk il-Gvern Laburista hux serju fl-impenn tiegħu kontra l-vjolenza domestika kif ukoll jekk l-Avukat Alessandro Lia għandux jirriżenja jew għall-inqas ikun sospiż mid-diversi karigi pubbliċi li jokkupa.