Lokali

Robert Abela għadu ma lissinx kelma dwar ir-racket ta’ serq minn Kastilja – PN

Ritratt: Matthew Tabone

Skiet totali wara aktar minn 48 siegħa mill-aħħar skandlu tal-Gvern ta’ Robert Abela

Hu ta’ tħassib kbir li Robert Abela għadu ma lissen l-ebda kelma wara dak li ġie żvelat mit-Times of Malta b’rabta ma’ racket ta’ serq li jmur lura għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-eks Deputat Laburista Silvio Grixti, li rriżenja lura fl-2021, qed jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ ta lil mijiet ta’ persuni l-mezzi kollha biex jirċievu benefiċċji ta’ diżabbiltà li ma kinux intitolati għalihom – flus li marru fil-but tagħhom kull xahar b’mod frawdolenti. Miegħu iżda qed jissemmew nies oħrajn: kemm il-Ministru Owen Bonnici, kif ukoll persuni li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

48 siegħa wara li ħarġet din l-aħbar Robert Abela għadu ma deher imkien.

48 siegħa wara u Robert Abela għadu ma ħa l-ebda azzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li ssir investigazzjoni minnufih biex tinħareġ il-verità kollha dwar l-involviment ta’ persuni minn Kastilja involuti f’dan ir-racket ta’ serq. Il-fatt li f’dan l-iskandlu hemm allegatament involviment dirett ta’ Ministru attwali u tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru nnifsu, ikompli jitfa’ dawl ikrah fuq kif flusna intużaw fi frodi istituzzjonalizzat minn but il-familji Maltin u Għawdxin.

Robert Abela lil min qed jaħbi? Robert Abela lil min qed jipproteġi?

Kriżi wara oħra, hekk kif aktar ma jgħaddu s-sigħat u l-ġranet, aktar qed joħroġ biċ-ċar li Robert Abela tilef il-leadership tal-Gvern, b’leaks mil-laqgħat tal-Kabinett u serq minn flus il-poplu b’allegazzjonijiet diretti lejn l-uffiċċju tiegħu.