L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għamlet aċċess fuq il-post tal-bini fil-Ħamrun fejn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni wasslu għall-kollass ta’ residenza biswit u li kkawża l-mewt ta’ Miriam Pace, tliet snin u nofs ilu. L-imħallef, flimkien mal-avukati tal-familja Pace, il-kuntrattur Ludwig Dimech u l-bennej, Nicholas Spiteri, marru fuq il-post l-Erbgħa wara nofsinhar.
Dawn iż-żewġ akkużati kien ippreferew li jgħaddu ġuri mhux bħal ma kienu għamlu ż-żewġ periti ukoll akkużati bil-każ fejn il-każ tagħħhom kien deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati. Erba’ xhur ilu, sid is-sit kien ippreżenta rikors fil-qorti fejn talab il-ħelsien tas-sit minn idejn il-Qorti, iżda l-avukati ta’ Dimech ressqu rikors it-Tlieta fejn talbu lill-Qorti terġa’ teżamina l-marki li saru minn driller li jintuża għat-tħaffir ta’ toroq u f’siti ta’ kostruzzjoni li kien ilu jopera fis-sit.
Dimech hu mifhum li inizjalment ta l-kunsens tiegħu biex l-art tinħeles mill-kustodja tal-qorti iżda aktar tard kien biddel il-pożizzjoni tiegħu. Fit-tentattiv li tissolva l-kwistjoni, f’seduta ta’ qabel il-proċess li saret it-Tielet, l-Imħallef ordnat iż-żjara tal-lum fuq il-post sabiex tevalwa s-sitwazzjoni hija stess.
Pace ta’ 54 sena nqatlet meta d-dar tagħha fi Triq Joseph Abela Scolaro, fil-Ħamrun waqgħet fit-2 ta’ Marzu 2020, kmieni wara nofs inhar.
Id-dar tagħha kienet maġenb sit tal-bini li dak iż-żmien kien qed jitħaffer. Il-katavru ta’ Pace instab taħt it-terrapien u rkuprat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili diversi sigħat wara l-kollass. Il-periti Roderick Camilleri u Anthony Mangion sussegwentement instabu ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ Pace b’negliġenza kif ukoll li għamlu ħsarat f’bini ġirien.
Camilleri waħdu nstab ħati wkoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi. Huwa rċieva sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal sentejn u ordni ta’ servizz fil-komunità ta’ 480 siegħa. Mangion instab ukoll ħati li kien nieqes minn sit ta’ kostruzzjoni meta kellu jissorvelja x-xogħlijiet potenzjalment perikolużi li kienu qed isiru u kkundannat 15-il xahar ħabs, sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ ordni ta’ servizz fil-komunità ta’ 400 siegħa.
L-avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea qed jirrappreżentaw lill-kuntrattur Ludwig Dimech, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri huma avukati difensuri tal-bennej Nicholas Spiteri. L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jidhru parte civile għall-familja Pace.
//= $special ?>