Lokali Temp

Ħlisna mill-Grigalata, iżda xorta jiddomina r-riħ qawwi

Ġurnata li kienet tidher li mhux se tkun maħkuma minn maltemp inbidlet f’ħakka t’għajn hekk kif matul il-ġurnata pajjiżna intlaqat minn ħalbiet ta’ xita, riħ qawwi kif ukoll mewġ għoli.

Bla dubju illi ma kinitx sorpriża li pajjiżna esperjenza l-maltemp hekk kif ilu mbassar li se nintlaqtu mill-maltempata imlaqqma ‘Daniel’. Għalkemm iċ-ċentru ta’ din il-maltempata baqgħet il bogħod minn pajjiżna.

Minkejja dan, kollox jindika li anke it-8 ta’ Settembru – festa pubblika – se tkun immarkata bix-xita.

Dan il-maltemp qed jolqot lill-pajjiżna inqas minn ġimgħa wara li esperjenzajna l-ewwel maltempata ta’ dan l-istaġun fejn diversi lokalitajiet esperjenzaw qtugħ tad-dawl.

Apparti x-xita li mistennja li tolqot lill-Gżejjer Maltin matul din il-ġimgħa se naraw ukoll riħ qawwi li se jlaħħaq il-Forza 6 f’ċertu nħawi.

U għal dawk li jħobbu temperaturi aktar friski żgur se jieħdu pjaċir hekk kif matul din il-ġimgħa l-ogħla temperatura mistennija li tkun bejn 26 u 28 grad celcius filwaqt li l-inqas temperatura se tinżel 23 grad celcius. Il-previżjoni tat-temp tindika wkoll kif lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa t-temp mistenni li jibnazza bir-riħ jikkalma xi ftit.