Lokali

Il-PN jinsisti li Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għar-racket li twieled f’Kastilja

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jġorr responsabbiltà politika għas-serq kollu li sar mill-benefiċċji soċjali.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-deputati Claudette Buttiġieġ u Paula Mifsud Bonniċi fejn l-Oppożizzjoni insistiet li Abela għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-iskandlu li ġie żvelat fl-aħħar jiem, u li jinvolvi mhux biss is-serq ta’ miljuni mill-benefiċċji soċjali, iżda anke serq ta’ voti.

Paula Mifsud Bonniċi saħqet illi minkejja li għaddew ġranet minn mindu ħarġu d-dettalji kollha dwar dan ir-racket, il-Prim Ministru Robert Abela qed jibża’ jerfa’ ir-responsabbilta…u minflokk qiegħed jiddeċiedi li ma jiddeċidiex.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lil Prim Ministru Robert Abela iġorr ir-responsabbilta politika għal dan ir-racket ta’ frodi … skema li kif spjega l-Partit Nazzjonalista kienet maħduma apposta minn għanqbuda sħiħa ta’ nies fil-qalba tal-Partit Laburista.

Paula Mifsud Bonniċi qalet li f’din l-iskema ma kienux imdaħħla biss dawk li rċievew il-beneffiċji imma anke nies tal-qalba – nies li qegħdin fil-customer care ta’ Kastilja kif ukoll fid-dipartimenti.

Il-Partit Nazzjonalista wassal ukoll appell b’saħħtu sabiex il-Ministru tal-Politika Soċjali, Michael Falzon, jagħmel dak li l-Prim Ministru ma jridx jagħmel.

Min-naħa tagħha Claudette Buttiġieġ insistiet li dan ir-racket ta’ frodi huwa kriminalita’ organizzata – għanqbuda biex jinkisbu l-voti.

Hi qalet li l-pajjiż jinsab fi kriżi soċjali kbira. Dan filwaqt illi fakkret li il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għan-nies u determinat li dawn l-affarijiet ma jħallihomx jibqgħu għaddejin.

Claudette Buttigieg saħqet li l-poplu Malti qed juri sens ta’ rabja għal dan is-serq sfaċċat; serq minn ħalq il-poplu, u mingħand min ġenwinament kellu bżonn dawn il-flus.