Internazzjonali

L-Ewropa f’morsa ta’ maltemp….Mejtin u mitlufa f’numru ta’ pajjiżi

Numru ta’ pajjiżi Ewropej fil-preżent jinsabu f’morsa ta’ maltemp qawwi meta l-għargħar ikkaġunat mill-ħalbiet kbar tax-xita kaġuna talanqas għaxar imwiet fil-Bulgarija, il-Greċja u t-Turkija.

Dan meta l-awtoritajiet u s-servizzi għall-emerġenzi f’dawn il-pajjiżi qed jistennew li jsibu aktar katavri tal-vittmi b’kaġun ta’ dawn l-elementi.

Il-livell tal-għargħar f’diversi bnadi tal-Bulgarija fl-aħħar sigħat kien għoli biżżejjed biex litteralment jgħarraq      il-vetturi, bl-emerġenza tinħass l-aktar fiz-zona ta’ Tsarevo. L-awtoritajiet Bulgari, intant, ikkonfermaw li mietu tliet persuni – żewġ irġiel u mara – b’talaħħar tispiċċa l-baħar wara li tkaxkret mill-gliegel tal-ilma.

Fit-Turkija, sadanittant, il-belt ewlenija ta’ Istanbul ukoll ħasset il-qilla tal-maltemp u fejn l-għargħar kaxkar numru sostanzjali ta’ karozzi minbarra li kkaġuna l-ħsarat fil-faċilitajiet għall-pubbliku. Is-sitwazzjoni tant kienet perikoluża li diversi nies spiċċaw magħluqin u iżolati għal sigħat twal f’bini li sservi bħala librerija. Ir-rapporti minn Istanbul anki konfermaw tlett imwiet b’kaġun tal-maltemp u meta talanqas ħamsa oħra kienu neqsin fil-provinċja ta’ Kirklareli, mhux ‘il bogħod mill-fruntiera Torka mal-Bulgarija.

Ir-rapporti mill-Greċja, imbagħad, ikkonfermaw talanqas żewġ imwiet oħra dovuti għall-ħalbiet tax-xita kontinwi u l-għargħar sussegwenti. Dan meta l-Greċja ilha mit-Tnejn iġġarrab l-elementi qattiela ta’ maltempata mlaqqma ‘Daniel’, bl-awtoritajiet lokali wkoll qed jistennew li jinstabu aktar vittmi fis-sigħat u l-ġranet li ġejjin,.

L-agħar zona affettwata mill-maltempata tinkludi r-reġjun ta’ Magnesia, magħruf għall-bajjiet popolari u meta l-meteoroloġisti qalu li f’24 siegħa biss niżlet xita ekwivalenti għall-inżul tax-xita tul staġun sħiħ tal-ħarifa.