Internazzjonali

L-Istati Uniti: L-akbar sentenza ta’ ħabs lil protagonista fl-irvellijiet tal-Capitol

Enrique Tarrio, l-eks Kap tal-grupp estremista tal-lemin Proud Boys, weħel 22 sena ħabs għar-rwol tiegħu fl-attakk storiku fuq il-Capitol tal-Istati Uniti li kien seħħ fis-6 ta’ Jannar tal-2021.

L-irvellijiet f’Washington, ġimgħat wara li l-eks President Amerikan Donald Trump kien tilef l-elezzjoni presidenzjali kontra r-rivali Demokratiku Joe Biden, kienu xukkjaw lid-dinja, bis-sentenza ta’ Tarrio titqies bħala l-aktar waħda ħarxa mogħtija s’issa lill-protagonisti wara l-inkwiet ta’ dakinar.

Tarrio, li ma kienx preżenti waqt l-irvellijiet, kien akkużat bħala ‘Ġeneral’ li kellu rwol sinifikanti fl-‘invażjoni’ vjolenti tal-Capitol mill-partitarji ta’ Trump u li fiha tilfu ħajjithom ħames persuni.

Qabel inqratlu s-sentenza, Enrique Tarrio – li deher viżibbilment emozzjonat – skuża ruħu mal-pulizija u r-residenti ta’ Washington minbarra li esprima diżappunt għall-fatt li ma seħħitx ix-xewqa tiegħu u tal-partitarji l-oħra li riedu li r-riżultat tal-elezzjoni jinbidel.

Dan meta sallum, ‘il fuq minn 1,100 spiċċaw arrestati u akkużati bħala parti mill-investigazzjoni tal-irvellijiet mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan.