Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ikkundanna bla riservi attakk bil-missili tar-Russi li ħalla talanqas 20 vittma – inklużi tfal — u diversi midruba wara li l-laqat l-inħawi ta’ Kostiantynivka…Belt li fost oħrajn li tinkorpora wieħed mill-akbar swieq f’dan il-pajjiż.
Il-Gvern ta’ Zelensky, b’mod partikulari l-Prim Ministru Ukren Denys Shmyhal, wissa li l-Ukrajna għandha tirritalja għal dan it-terrur b’mod li – kuntrarju għall-azzjonijiet tar-Russja – għandu jiddiskrimina bejn il-miri militari u ċivili.
Filwaqt li l-poplu Ukren irreaġixxa b’niket u rabja kbira għall-massakru Kostiantynivka, il-President Zelensky qal li l-vittmi tal-attakk kienu persuni totalment innoċenti – fost twissija li ċ-ċifra tal-mejtin u midruba kellha titla.
Il-belt ta’ Kostiantynivka, li tifforma parti mir-reġjun ta’ Donetsk, hi viċin zona tal-gwerra fil-lvant tal-Ukrajna. Sadanittant, l-awtoritajiet fir-Russja ma wieġbux għall-akkużi li l-qawwiet tagħhom ikkonċentraw l-attakk bil-missili fuq l-inħawi tas-suq, il-ħwienet u anki spiżerija fl-artijiet ta’ Kostiantynivka.
L-aħħar atroċità tar-Russja seħħet ukoll fi żmien meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken kien għaddej bi żjara oħra fi Kiev u fejn iltaqa’ ma’ diversi uffiċjali tal-Gvern Ukren, fosthom il-Prim Minsitru Shmyhal. Din kienet ir-raba’ żjara ta’ Blinken fl-Ukrajna mindu l-qawwiet tar-Russja invadew lil dan il-pajjiż fi Frar tal-2002 u fejn sostna li l-Istati Uniti qed tkompli twassal messaġġ ċar li għandha tibqa impenjata favur id-difiża tal-poplu Ukren.
//= $special ?>