Lokali Qorti

Minn libertà kundizzjonata għal sentenza sospiża wara li attakka raġel b'”baseball bat”

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet talba tal-Avukat Ġenerali li ried sentenza aktar ħarxa wara li raġel ta’ 38 sena kien attakka raġel ieħor permezz ta’ “baseball bat” bil-vittma jispiċċa bil-punti f’wiċċu u saħanitra tilef sinna.

L-inċident kien seħħ fit-8 ta’ Jannar 2022 f’Għajnsielem, Għawdex bl-attakk iseħħ wara li Justin Vella dehrlu li l-vittma kien qed isuq b’mod traskurat u seta’ laqtu. Hawn il-ħati ħareġ mill-ewwel mill-karozza tiegħu u aggredih b’mod vjolenti.

Kien bejn is-2.30pm u t-2.45pm li l-aggressjoni seħħet fi Triq l-Imġarr fejn Vella kien ammetta li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew iqiegħed il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq raġel ieħor skont kif iċċertifikaw it-tobba mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Justin Vella, fuq ammissjoni tiegħu stess, ħati u lliberatu minn kull piena bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin. Hu kien akkużat li kkawża feriti gravi lill-vittma kif ukoll kiser il-paċi pubblika u li ħebb għall-vittma bl-intenzjoni li jweġġgħu jew idejqu.

Iżda l-Qorti tal-Maġistrati kienet qalet li l-bqija tal-akkużi kienu preskritti u ma ħaditx deċiżjoni dwarhom. Dan filwaqt li l-akkużat ma nstabx ħati li huwa riċediv. Xi ħaġa li l-Qorti tal-Appell ma qablitx dwarha. Fir-rikors tal-Avukat Ġenerali, ingħad li l-ewwel Qorti kienet ħanina wisq mal-akkużat u li dan ammetta kull ħtija miġjuba kontrih “u għażel li ma jikkontesta l-ebda imputazzjoni”.

Ingħad ukoll li r-reati mwettqa huma serji u li jġorru piena ta’ bejn sena u seba’ snin ħabs, apparti l-fatt li l-akkużat għandu kondotta mtappna. Il-Qorti tal-Appell qablet li l-ewwel Qorti kienet wisq ħanina mal-akkużat u minflok, ikkundannat lill-akkużat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Ġie kkunsidrat il-fatt li l-fedina penali ta’ Vella hija waħda kkulurita u minkejja li l-għadu relattivament żgħir fl-eta’ diġà għandu diversi reati reġistrati fuqha fejn ingħata diversi sentenzi ta’ conditional discharge pero’ jidher li ma tgħallimx għaliex reġa kkommetta reati oħra ukoll ta’ natura serja.

Jidher ukoll li ngħata sentenza sospiża ta’ sentejn fis-sena 2011 u reġa spiċċa quddiem il-Qorti u għalhekk
lanqas din is-sentenza donnha ma kellha l-effett li żżommu l-bogħod mill-ħajja ta’ kriminalià. Il-Qorti tal-Appell fliet il-każ ukoll billi rat iċ-ċertifikati mediċi esebiti fl-atti, fejn il-vittma kellu tiċrita twila ta’ żewġ ċentimetri taħt ix-xoffa t’isfel in-naħa tax-xellug kif ukoll minn ġewwa tal-ħalq fejn sarulu ħames punti u trawma lis-snien kif ukoll telf ta’ sinna fejn ġie riferut għand dentist. Għalhekk il-feriti l verament kienu ta’ natura gravi

Il-fatt li l-Qorti tal-Appell qegħda ssibu ħati tar-reat ta’ reċidiva., li ma jirriżultax mill-atti li Vella fil-fatt ikkumpensa lill-vittma għad-danni sofferti minnu. Il-fatt li kif anke stqarr hu stess fl-istqarrija tiegħu diġa kellu inċidenti oħra fuq ġlied fejn kien spiċċa għadda proċeduri l-Qorti akkużat bihom u saħansitra
anke nstab ħati tagħhom.

Il-fatt li niżel minn karozza li kien qed isuq, dar fuq il-vittma li kien fil-karozza tiegħu u tah daqqa bil-“baseball bat” u kkaġunalu l-feriti b’mod kiesaħ u biered. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Gauci.