Proġett li se jgħaqqad l-intelliġenza artifiċjali mal-importanza tal-parteċipazzjoni fil-politika, it-tfassil tal-policies, u l-importanza li wieħed jivvota.
Il-proġett tħabbar waqt konferenza li saret it-Tlieta waranofsinhar hekk kif ġie preżentat il-proġett tal-Erasmus Wired Youth: Science Forum li se jkun qed jiffoka fuq żgħażagħ ta’ bejn il 15-il sena u t-18-il sena.
Dan il-proġett se jkun imexxi mill-Malta Chamber of Scientists flimkien mal-Esplora, l-Aġenzija Żgħażagħ u Scienceview li hija kumpanija bbażata fil-Greċja.
Waqt din il-konferenza, il-President tal-Malta Chamber of Scientists Gianluca Valentino spjega li dan il-proġett se jinkoraġixxi liż-żgħażagħ sabiex jiksbu aktar għarfien dwar kif jiġu fformulati l-policies f’pajjiżna kif ukoll jitgħallmu aktar dwar l-importanza li wieħed ikun attiv fis-soċjetà.
Apparti minn hekk Wired Youth se jiffoka wkoll fuq l-impatt kemm pożittiv kif ukoll negattiv tal-intelliġenza artifiċjali fuq is-soċjeta. L-intelliġenza artifiċjali ntagħżlet għaliex taffettwa diversi affarijiet fosthom il-midja soċjali li saret ċentrali fis-soċjetà tal-lum.
F’kummenti ma’ Net News il-President tal-Malta Chamber of Scientists spjegalna aktar dwar l-għanijiet ta’ dan il-proġett. Barra minn hekk, dan il-proġett huwa mimli b’diversi workshops li se jkun utli għaż-żgħażagħ li se jieħdu sehem fejn il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jintaqgħu ma’ riċerkaturi fl-intelliġenza artifiċjali kif ukoll ma’ policy-makers.
Dawn il-workshops se jservu ta’ preparazzjoni għad-dibattitu finali, u l-proġett se jiġi fi tmiemu f’April tas-sena d-dieħla.
//= $special ?>