Lokali

PROVI ĊARI: Mara tikkonferma li Kastilja involuta fl-iskandlu tal-frodi mill-benefiċċji soċjali

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela insista li l-customer care ta’ Kastilja u l-Ministri fil-Kabinett tiegħu ma kellhomx x’jaqsmu mal-frodi mill-benefiċċji soċjali li jaqbżu ż-żewġ miljun ewro Net News kiseb provi li jgiddbu dak li qal Abela.

Fil-fatt, dawn il-provi joħorġu minn testimonjanza li xxandret fuq Net FM mill-preżentatur Dione Borg.

Din il-persuna spjegat lil Dione Borg li hi kienet pazjenta tal-ex Deputat Laburista Silvio Grixti. U meta marret il-Labour Office dawn kienu ssuġġerewlha sabiex tapplika għal benefiċċji soċjali. Hija qalet ukoll li Grixti ħadilha ħsieb l-applikazzjoni tagħha kif ukoll tat-tifla.

Imbgħad, madwar sena wara, il-Bord mar d-dar tagħha sakemm xahar wara l-applikazzjoni tat-tifla tagħha ġiet approvata wara żjara li ma damitx aktar minn ħames minuti.

Din il-persuna sostniet li t-tgerfix li sar bilfors sar minn ġewwa, hekk kif hija ppreżentatilhom id-dokumenti kollha neċessarji. Dan filwaqt li huma kienu jiġru warajha sabiex tmur għand psikjatra u ġġib il-firem kollha neċessarji.

Issa, din il-persuna trid trodd lura l-benefiċċji soċjali li ngħatat għal sentejn sħaħ hekk kif il-ġimgħa li għaddiet kellha tidher fil-Qorti wara li ġiet avviċinata rigward firem foloz kif ukoll ċertifikati foloz.

Intant waqt din it-testimonjanza din il-persuna saħqet li meta applikat hi ma kinitx taf b’dak kollu li kien qiegħed jiġri dwar l-għoti tal-benefiċċji soċjali.