Futbol Sport

Rebħa u prestazzjoni mill-aqwa mit-tim nazzjonali Malti kontra Ġibiltà

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MALTA…………….1

ĠIBILTÀ…………..0

Malta: H. Bonello, Camenzuli, K. Shaw, S. Borg, M. Guillaumier, J. Mbong (J. Corbalan 87’), B. Kristensen (Y. Yankam 76’), E. Pepe (J. Borg 62’), J. Degabriele (P. Mbong 62’), J. Jones (T. Teuma 62’), L. Montebello (K. Nwoko 76’)

Ġibiltà: D. Coleing, J. Sergeant (A. El Hmidi 80’), B. Lopes (E. Jolly 57’), L. Walker, N. Hartman (L. Casciaro 72’), R. Chipolina, A. Mouelhi, K. Roman (E. Santos 72’), T. De Barr, E. Britto, N. Pozo

Imwissija: T. De Barr 35’, N. Hartman 38’ (Ġ) E. Pepe 27’ (M)

Skorjaw: J. Mbong 58’ (M)

Referee: Miloš Bošković (MNE)

Assistenti Referees: Aleksandar Djikanović u Nikola Radulović (MNE)

Prestazzjoni mill-aqwa mill-Maltin f’partita ta’ ħbiebrija fl-Istadium Nazzjonali ssarraf f’rebħa ta’ 1-0 kontra Ġibiltà, rebħa li bla dubju sservi tajjeb qabel mal-ġimgħa d-dieħla l-iskwadra mmexxija minn Michele Marcolini taffaċja lill-Maċedonja ta’ Fuq minn Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni tal-EURO 2024.

L-ewwel azzjoni tal-partita tasal mill-Maltin wara biss sitt minuti meta minn azzjoni personali kien l–attakkant ta’ Ħamrun Spartans Luke Montebello li b’xutt bid-dawra mpenja lil Coleing li kellu jdawwar f’korner

Sitt minuti wara Jurgen Degabriele jipprova tentattiv mid-distanza bil-goalkeeper avversarju jkollu jilqa’ b’diffikultà f’żewġ tentattivi.

Azzjoni oħra perikoluża minn Malta fil-35 minuta meta Montebello jaħrab mal-linja u jidħol fil-kaxxa avversarja qabel ma jipprova pass lejn in-nofs, iżda l-captain ta’ Ġibiltà Roy Chipolina itajjar fil-ħin qabel mal-ballun jasal għand Degabriele waħdu quddiem Coleing.

Il-Maltin iomplu jiddominaw u fl-40 minuta minn pass ta’ Degabriele jkun Guillaumier li jipprova tentattiv minn tarf il-kaxxa, iżda għal darb’oħra jsib lil Coleing attent li anke jekk b’diffikultà jerġa’ jċaħħad lil Maltin milli jiftħu l-iskor.

Mal-45 minuta logħob jasal l-ewwel xutt perikoluż għal Ġibiltà meta wara nuqqas ta’ ftehim fid-difiża Maltija, il-ballun jieħdu De Barr li javvanza u jipprova konklużjoni minn barra l-kaxxa b’Henry Bonello jilqa’ parzjalment qabel mad-difiża tajret kull periklu.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima, biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Fit-tieni taqsima l-Maltin ikomplu fejn ħallew u fl-54 minuta l-korner ta’ Guillaumier joħloq paniku fil-kaxxa avversarja bl-azzjoni tintemm b’konklużjoni bit-takkuna ta’ Steve Borg li Coleing laqa’ tajjeb.

Fit-58 minuta Malta tmur meritatament fil-vantaġġ meta l-ewwel il-kross ta’ Jodi Jones ikun imtajjar mid-difiża, bil-ballun jasal għand Joseph Mbong li jikkontrolla u mingħajr ma jħalli l-ballun jaħbat mal-art jispara xutt fir-rokna tax-xibka, b’Coleing ftit seta’ jagħmel biex iwaqqaf dan il-gowl mill-isbaħ.

Fil-81 minuta l-goalkeeper ta’ Ġibiltà wettaq save mill-isbaħ fuq xutt tas-sostitut Kyrian Nwoko bil-ballun ikun imdawwar f’korner.

Coleing jerġa jkun dterminanti li ma jikbirx l-iskor meta Joseph Mbong jgħaddi lejn ħuħ Paul, b’dan tal-aħħar jipprova minn tarf il-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper avversarju attent li dawwar f’korner.

Finalment tasal it-tisfira finali ta’ Miloš Bošković u rebħa ta’ 1-0 għal Malta biex issa fl-impenn li jmiss it-tim nazzjonali Malti jilqa’ lill-Maċedonja ta’ Fuq minn Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni tal-EURO 2024.

Il-gowl skorjat minn Joseph Mbong fit-58 minuta (Ritratt: Domenic Aquilina)