Lokali

Il-gazzetti jistaqsu x’inhu jiġri bil-flus tal-films

Id-domandi dwar dak li qed jiġri fl-industrija tal-films huma bosta, speċjalment wara li sar magħruf illi l-Gvern ħareġ miljuni kbar għal ta’ Hollywood; filwaqt li l-film makers lokali qed jitħallew b’dak li jibqa’

Propju għalhekk, ħafna qed jistaqsu kif se nkunu ċerti li Malta qed tirċievi l-valur tal-flus li qed noħorġu. U kif se nkunu ċerti li l-mitt miljun ewro li suppost jintefqu f’Malta mill-kumpaniji internazzjonali qed jintefqu tassew f’pajjiżna.

Dawn huma uħud mill-mistoqsijiet li staqsa l-editorjal tal-gazzetta Malta Business Weekly, illi insista kif il-Gvern mhu qed jagħti ebda risposti. U lanqas il-Kummissjoni tal-Films.

L-editur jagħmel referenza għall-istqarrija li il-Kummisarju tal-Films Johann Grech għamel fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook fejn prova jiġustifika il-mod kif toperra is-sistema; għalkemm il-Malta Business Weekly tinsisti li Grech ma kienet konvinċenti xejn. Bl-editorjal jirrimarka wkoll fuq il-fatt li hu spiċċa jitkellem bħal politiku…. u mhux bħala Kummisarju.

L-editorjal fakkar li produtturi lokali li jipproduċu l-films qegħdin jieħdu ammont verament żgħir ta’ fondi meta dawn ħaqqhom jieħdu ferm aktar.

Dan filwaqt illi jfakkar kif b’dawn il-miljuni kollha li ingħataw lin-nies ta’ Hollywood… seta’ nbenna sptar ieħor tal-Onkoloġija jew nbnew 3 skejjel ġodda. Waqt li jirrimarka wkoll kif tlett Ministri differenti kellhom budget li kien anqas mill-miljuni allokati għall-iskema ta’ rifużjoni tat-taxxa lill-kumpaniji tal-films.