Lokali

Il-Kummissarju għall-Istandards qagħad fuq dak li xehedu Michael Farrugia u Johann Buttigieg; ma sarux investigazzjonijiet ulterjuri

Minn xhieda tal-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards m’għamilx investigazzjonijiet ulterjuri biex jistabilixxi ċertu fatti dwar x’intqla f’laqgħa bejn l-ex Segretarju Parlamentari Michael Farrugia u l-imprenditur Yorgen Fenech għax qagħad biss fuq id-dikjarzzjonijiet li għamlu l-istess Michael Farrugia u Johann Buttigieg, l-ex CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar laqgħa li Michael Farrugia kellu ma’ Yorgen Fenech u ittra li Farrugia bagħat lill-MEPA biex l-Imrieħel ikun inklu fiż-żona li fiha jista’ jsir bini ogħoli, kien trattat mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubbika. Il-kumitat kien presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, għall-gvern ipparteċipaw il-Whip tal-Gvern Andy Ellul u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Għall-kumitat kien mistieden il-Kummissarju għall-Istandards il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi li xehed dwar rapport li għamel dwar il-każ tal-ex Segretarju Parlamentari Micahel Farrugia li jitratta l-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech.

Il-Kummissarju Azzopardi qal li orġinarjament Michael Farrugia kien wieġeb lill-ġurnalisti li ma kienx iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech iżda aktar tard qal li kien iltaqa’ iżda kienu tkellmu fuq ir-riklamazzjoni tal-art u mhux fuq l-Imrieħel.

Dan kien stabbilit minn Johann Buttigieg, li kien Kap Eżekuttiv tal-MEPA, li kien preżenti għal-laqgħa, sostna l-Kummissarju Azzopardi, li qal li ma kienx hemm provi biżżejjed li jista’ jingħad li Farrugia kien iddiskuta l-bini ogħli fl-Imrieħel.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li Michael Farrugia kien missu ivverifika l-affarijiet sew qabel wieġeb id-domandi tal-ġurnalisti.

Il-Kummissarju Azzopardi ikkonferma li Michael Farrugia kien qal li ken hemm persuni oħra fil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech iżda spjega li ma sarux iktar mistoqsijiet lil Michael Farrugia biex ikun stabbilit min kien preżenti għal-laqgħa.

Din tista’ tagħmel differenza kbira, sostna d-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li żied li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards kellu jipprova jġib din l-informazzjoni.

Ma naħsibx li kien importanti iżda la ma weġibx ma kellix nistaqsih iktar, sostna l-Kummissarju Azzopardi, li qal li ma ntalbitx informazzjoni mingħand Yorgen Fenech li kien preżenti għal-laqgħa. Ikkonkludejt li m’għandix intella’ lil Yorgen Fenech għax kienet se tkun ħela ta’ ħin għax l-avukat tiegħu ma kienx se jħallih iwieġeb minħabba l-kawżi li għandu, sostna l-Kummissarju Azzopardi.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li hu kredibbli li jingħad li Johann Buttigieg jgħid li ma jiftakarx dettalji dwar il-laqgħa għax issa ilu sitt snin. L-iktar importanti hu li l-Kummissarju għall-Istandards m’għandux ġurisdizzjoni għax il-każ hu preskritt bil-liġi, sostna l-Kummissarju Azzopardi, li qal li hu ċar li s-Segretarju Parlamentari Farrugia m’għandux poter li jieħu deċiżjoni eżekuttiva. Hu kompla li l-ittra li Michael Farrugia bagħat lill-MEPA fejn issuġġerixxa li l-Imrieħel ikun inkluż fiż-żona li fiha jista’ jsir bini ogħli mhix illegali.

Il-Kummissarju Azzopardi xehed li kien il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li ddeċida favur bini ogħli fl-Imrieħel u sostna li d-deċiżjoni tal-MEPA ittieħdet wara li Michael Farrugia bagħat l-ittra lill-MEPA fil-5 ta’ Marzu 2014. Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-ittra minn Michael Farrugia ma kinitx suġġeriment iżda direzzjoni lill-Bord tal-Ippjanar.

Għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, il-Kummissarju għall-Istandards qal li jista’ jkun li Michael Farrugia seta’ wieġeb li fil-fatt kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech iżda ma ddiskutiex il-bini ogħli fl-Imrieħel. Johann Buttigieg kien ċert ħafna li fil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech ma kinx diskuss il-bini ogħli fl-Imrieħel, sostna l-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li ma ħassx il-bżonn li jistaqsi lis-segretarja ta’ Michael Farrugia dwar min kienu l-persuni l-oħra li attendew għal-laqgħa ma’ Yorgen Fenech.

Il-kumitat parlamentari ddiskuta wkoll liema rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards għandhom ikunu pubbliku fejn il-Kummissarju għall-Istandards qal li hu tal-opinjoni li r-rapporti kollha jkunu pubblikati kemm dawk li fihom tinstab responsabbiltà kif ukoll ukoll fejn ma tinstabx. Il-kumitat qabel li għandha tkun id-deċiżjoni tal-persuni involuti jekk ir-rapporti fejn ma tinstabx ħtija jkunux pubblikati.

Wara x-xhieda tal-Kummissarju għall-Istandards, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li fis-seduta li jmiss il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jiddeċiedi jekk ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar Michael Farrugia għandux kun pubblikat.