Lokali

L-ewwel beżżgħu dwar l-ESG, issa għamluha tagħhom – PN

Wara li fil-kampanja elettorali tal-2022, il-Partit Laburista prova jbeżża’ u jirredikola l-kunċett ta’ ESG li fuqu l-Partit Nazzjonalista wiegħed li jrid jibni mudell ekonomiku u patt soċjali ġdid, issa l-Gvern qed jipprova jagħmel din l-idea tiegħu, dan intqal mid-deputati Mark Anthony Sammut u Ivan J. Bartolo.

Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon l-iskema li ħabbar il-Gvern ilbieraħ sabiex tgħin lill-intrapriżi żgħar u medji jingħataw konsulenza u pariri dwar rappurtaġġ ta’ kriterji marbuta mal-ESG, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern irid ikun iżjed radikali u ambizzjuż billi joħloq strateġija nazzjonali li timbutta l-aspetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba fil-qalba tal-mod kif titħaddem l-ekonomija.

Il-Kelliema f’isem il-Partit Nazzjoanlista żiedu li l-unika tattika li għandu l-Partit Laburista quddiem kull proposta u kull idea li jressaq ’il quddiem u jipproponi l-Partit Nazzjonalista hija dik li jbeżża’ u jirredikola bl-aktar mod negattiv, biex imbagħad ftit żmien wara jagħmel dik l-idea tiegħu. Dan juri Gvern nieqes mill-ideat, mingħajr direzzjoni, u jirreaġixxi biss fejn il-Partit Nazzjonalista jkun qed jipproponi viżjoni.