Lokali Qorti

L-iżvilupp fuq is-sit li kkollassa u qatel lil Miriam Pace jista’ jkompli

L-iżvilupp f’sit ta’ kostruzzjoni ħdejn dar li waqgħet, li u qatlet lil Miriam Pace fl-2020, jista’ jkompli wara li l-istat preżenti tiegħu jiġi ppreservat permezz ta’ filmati u ritratti, iddeċiedit l-Imħallef Consuelo Scerri li ordnat li s-sit fil-Ħamrun jinħeles u li l-ġimgħa d-dieħla jittieħdu provi fotografiċi biex dan ikun jista’ jsir.

Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ kostruzzjoni fuq skala kbira fi Triq Joseph Abela Scolaro waqaf mill-eweel fit-2 ta’ Marzu, 2020 wara li Pace ta’ 54 sena spiċċat indifnet taħt it-tifrik tad-dar tal-familja tagħha. Il-mewt tagħha qanqal rabja kbira fost il-poplu.

Żewġ periti nstabu ħatja ta’ omiċidju involontarju mill-Maġistrat Joe Mifsud minħabba l-kollass tad-dar u kull wieħed ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża flimkien ma’ 880 siegħa xogħol fil-komunità. Dawn kienu Roderick Camilleri ta’ 38 sena u Anthony Mangion ta’ 74 sena, li kienu wkoll instabu ħatja ta’ ħsara involontarja fuq proprjetà ta’ terzi fejn kienu ġew meħlusa minn sentenza ta’ ħabs effettiva mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba l-kondotta kriminali nadifa tagħhom.

Camilleri kien ikkundannat għal 480 siegħa xogħol fil-komunità u multa ta’ €10,000. Mangion, bħala uffiċjal tekniku tas-sit, ġie ordnat jagħmel 400 siegħa xogħol fil-komunità u mmultat €8,000. Huma kienu ffaċċjaw akkużi flimkien mal-kuntrattur tat-tħaffir Ludwig Dimech ta’ 37 sena u l-bennej Nicholas Spiteri ta’ 42 sena, li għażlu li l-każ tagħhom jinstema’ mill-qorti kriminali permezz ta’ ġurija.

L- Imħallef Scerri Herrera wettqet żjara fuq is-sit tal-Ħamrun l-Erbgħa wara nofs inhar wara talba li saret mit-tim tad-difiża ta’ Dimech li talab lill-qorti biex taħtar espert biex janalizza marki fuq il-ħajt li jmissu direttament mar-residenza ta’ Pace. Dan qabel ma jinħeles is-sit.

Fiż-żjara ingħaqdu l-avukati tal-familja tal-vittma, kif ukoll l-armel tagħha, Carmel Pace. Dimech irid li l-qorti teżamina marki li saru mill-makkinajru tat-tħaffir li kien qed jaħdem fuq il-post, biex jipprova dwar jekk dan intużax fuq dak il-ħajt.

It-talba waqt smigħ ta’ qabel il-proċess nhar it-Tlieta wasslet lill-imħallef biex tordna żjara fuq il-post. Jidher li l-partijiet kollha taw il-kunsens tagħhom għar-rilaxx tas-sit inkwistjoni. L-Imħallef, akkumpanjata minn avukati li jirrappreżentaw lil Dimech u Spiteri kif ukoll avukati li jirrappreżentaw lill-familja Pace u MCZMC Developers Ltd, żaru s-sit biex jevalwaw is-sitwazzjoni.

Iż-żjara fuq is-sit setgħet isseħħ biss wara li tneħħa l-ħaxix estensiv li kiber fuq is-sit mill-inċident ‘l hawn. Dan l-eżerċizzju kellu jittardja peress li kellu jinkiseb permess mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qabel ma seta’ jitneħħa l-ħaxix, minħabba skoperta ta’ xi speċi protetti.

Kien hemm qbil fost it-timijiet tal-prosekuzzjoni u tad-difiża li l-filmat u r-ritratti se jittieħdu l-ġimgħa d-dieħla qabel ma jinħareġ is-sit. Dawn imbagħad jistgħu jintwerew lill-ġurati magħżula biex jiffurmaw parti mill-ġuri ta’ Dimech u Spiteri.

L-avukati tal-AĠ Anthony Vella, Abigail Caruana Vella u Etienne Savona qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma. L-avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea qed jirrappreżentaw lil Dimech, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri huma avukati difensuri ta’ Spiteri. L-Avukat Michael Grech qed jirrappreżenta lill-MCZMC Developers Ltd.