Lokali

“Mhux neskludu li mmorru għand l-Awditur Ġenerali” – Josef Vella, UĦM

“Hemm bżonn jinqabad il-moħħ wara l-iskema tal-frodi fil-benefiċċji soċjali”

Hemm bżonn li jinqabad il-moħħ min kien wara l-iskema tal-frodi fil-beneficcji socjali. U mhux neskludi li bħala l-union immorru quddiem l-Awditur Ġenerali nitolbuh sabiex jinvestiga.

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella meta l-Ħamis filgħodu ta l-ewwel reazzjoni  tiegħu b’rabta mal-aħħar skandlu li ħasad pajjiż – fejn sar magħruf li nsterqu miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu, allegatament, fi skema mmexxija minn ħaddiema tal-Gvern fosthom Deputati Laburisti.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan ddeskriva din l-iskema bħala għanqbuta magħmula minn kriminalità organizzata, wara li ffalsifikaw saħansitra l-firma tiegħu u tal-professjonisti sħabu fuq ċertifikati. Dan sabiex mijiet ta’ persuni ħadu eluf ta’ ewro li ma kienux intitolati għalihom – persuni li issa qed jikxfu li kienu rrakkomandawlhom lil Grixti saħansitra allegatament uffiċjali fil-Customer Care ta’ Kastilja jew Ministri attwali.

F’kummenti lil Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM saħaq li hemm bżonn li l-moħħ wara dan kollu jinqabad.

Josef Vella saħaq li mhux qed jeskludi li l-UĦM tmur għand l-Awditur Ġenerali Charles Deguara sabiex jitolbuh jinvestiga.

Hu staqsa għalfejn twaqfet din l-iskema u jekk hemmx xiri ta’ voti fin-nofs. Staqsa wkoll jekk hemmx skemi simili oħrajn u insista li dan kollu huwa theddida ċara għad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Intant, fl-aħħar sigħat, l-MEP David Casa ressaq dan il-każ serju quddiem il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, il-Viċi President Věra Jourovα, u l-President tal-Grupp ta’ monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-dritt u d-Drittijiet Fundamentali fi ħdan il-Parlament Ewropew. Huwa appella biex dawn il-fatti jittieħdu bis-serjeta’ …. aktar u aktar fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern Malti.