Lokali

Ryanair b’51 rotta minn u lejn Malta

Il-kumpanija Ryanair se tibqa’ tinsisti sabiex ikun hemm taxxi ambjentali ġusti fuq it-titjiriet, hekk kif titjiriet qosra ikollom iħallsu t-taxxi … filwaqt li titjiriet twal ma jħallsu xejn. Bil-kumpanija tgħid li l-Ewropa għandha tikkumpensa lil-linji tal-ajru li huma effiċjenti għall-ambjent.

Dan sostnieh il-Kap tal-Eżekuttiv tar-Ryanair Michael O’Leary f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiċini tagħhom f’Tal-Pieta.

Fl-aħħar sigħat, O’Leary kien fi Brussell sabiex jippreżenta petizzjoni lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen ħalli ma jibqgħux jipprevjenu lil-linji tal-ajru milli jtiru fuq pajjiżi, anke jekk ma jkunux qed jinżlu fihom, waqt strajks minn dawk li jieħdu ħsieb il-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Rigward it-titjiriet lejn Malta, Ryanair issa qed toffri 51 rotta, u għax-xitwa żieded ukoll titjiriet lejn u minn Memmingen. Huma żiedu wkoll il-frekwenza ta’ 20 titjira. Dan hu rekord ta’ titjiriet mill-Ajruport ta’ Malta.

O’Leary semma wkoll li malli l-ajru tal-Ukrajna se jkun dikjarat sigur, huma ser jibdew joperaw madwar 600 titjiriet fil-ġimgħa jekk il-Gvern Ukren jaqbel – pass kruċjali sabiex l-ekonomija Ukrena tibda terġa tirkupra wara l-gwerra.

Huma semmew kif Ryanair għandhom 6 ajruplani bbażati Malta, filwaqt li għamlu investiment ta’ $600 miljun f’Malta, u pprovdew madwar 300 impjieg. Dan grazzi għall-viżjoni li kellu Gvern Nazzjonalista.