Grupp ta’ attivisti wettqu azzjoni simbolika ta’ solidarjetà mal-Palestina, waqt il-prestazzjoni ta’ Netta Barzilai waqt il-ftuħ ta’ EuroPride f’Malta. Dan hekk kif ir-rebbieħa Iżraeljana tal-Eurovision Song Contest tal-2018, tappoġġja r-reġim ta’ Apertheid tal-Iżrael.
L-għaqda Moviment Graffitti, fi stqarrija tagħha, spjegat kif b’solidarjetà, l-attivisti li kienu preżenti fil-kunċert xejru bnadar Palestinjani filwaqt li żammew kartelluni b’messaġġ ta’ kundnna għall-‘pinkwashing’ tal-Apartheid u l-okkupazzjoni mill-istat Iżraeljan.
Il-kantanta, ħadet sehem f’inizjattivi organizzati mill-istate Iżraeljan barra mill-Iżrael, f’inizjattivi li jiċċelebraw it-tkeċċija tal-Palestinjani mill-art tagħhom, u f’kunċerti tal-lemin estrem.
Din l-azzjoni tiġi wara li fil-ġimgat li għaddew, għaqdiet li kienu pijunieri fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-Pride f’Malta, appellaw biex l-istedina lil Netta Barzilai tiġi revokata. L-għaqdiet kienu qalu li l-prinċipji tal-ugwaljanza u l-libertà mhumiex menù li wieħed jista’ jagħżel minnu u enfasizzaw l-aspett kontradittorju bil-fatt li l-EuroPride suppost tiċċelebra l-imħabba u l-ugwaljanza. U huwa għalhekk li m’għandiex tħaddan personalitajiet li huma kompliċi fir-razziżmu, il-qtil u t-tindif etniku mwettqa mill-istat ta’ Apertheid Iżraeljan.
Minkejja dan, it-talba biex il-kantanta titneħħa mill-avveniment ġiet injorata totalment mill-organizzaturi.

Ritratti: Moviment Graffitti
//= $special ?>