Iċ-ċiklist Kolumbjan Juan Sebastián Molano rebaħ it-12-il stadju tal-Vuelta Spanjola wara sprint finali, filwaqt li r-rival Amerikan Sepp Kuss żamm il-vantaġġ ġenerali għall-ħames jum konsekuttiv.
Molano kien mgħejun fl-isprint tiegħu miċ-ċiklist l-ieħor tal-UAE Team Emirates Rui Oliveira fl-aħħar metri, biex rebaħ l-istadju li kien distanza ta’ 151 kilometru minn Olvega sa Zaragoza fit-Tramuntana ta’ Spanja.
Il-Kolombjan ta’ 28 sena rebaħ ukoll stadju fl-edizzjoni tal-Vuelta tas-sena l-oħra.
Wara tlett ijiem ta’ stadji fil-wita’, it-tellieqa ta’ tliet ġimgħat imissha tiffaċċja waħda mill-istadji l-aktar mistennija tagħha fit-13-il Jum meta taqsam Franza biex titla’ l-Col du Tourmalet, telgħa klassika għat-Tour de France.
L-istadju tal-lum ta’ 135 kilometru se jkun sfida bejn it-timijiet tal-UAE Emirates u Jumbo Visma, kull wieħed bi tliet ċiklisti fl-ewwel 10, u ċ-champion rebbieħ tas-sena l-oħra Remco Evenepoel ta’ Soudal Quickstep.
Kuss żamm vantaġġ ta’ 26 sekonda fuq Marc Soler fil-klassifika ġenerali. Evenepoel jinsab fit-tielet
post b’distakk ta’ 1:09, filwaqt li t-tliet darbiet champion Primoz Roglic jinsab 1:32 lura fir-raba’ post.