- Novembru 2022 u Frar 2023 kienu l-aktar xhur li pproduċew xita matul l-aħħar sena tax-xita
- Seba’ xhur ipproduċew ammonti ta’ xita li kienu inqas min-normi rispettivi
- Is-sena kienet ftit aktar imxarrba min-norma hekk kif tkejlu 544.8 mm xita
Hekk kif l-ewwel ħalbiet tax-xita u tkarwit tar-ragħad jimmarkaw uffiċjalment il-bidu tas-sena tax-xita ġdida, nagħtu ħarsa lejn is-sena tax-xita 2022-2023.
Il-ħarifa meteoroloġika kienet it-tieni l-aktar staġun imxarrab tas-sena hekk kif matulha tkejlu 229.6 mm xita. Għal dan it-total, l-aktar li kkontribwixxa kien Novembru 2022 hekk kif ipproduċa 151.2 mm xita, filwaqt li f’Settembru u f’Ottubru tkejlu 78.4 mm. Novembru kien ikkaratterizzat minn diversi jiem li fihom għamlet ix-xita, tant li t-total ta’ xita mkejjel matul ix-xahar kien kważi d-doppju ta’ dak mistenni skont in-norma klimatika.
B’181.6 mm xita mkejla, Frar kien l-aktar xahar li pproduċa xita matul l-aħħar sena tax-xita u anke wieħed mill-aktar imxarrba meta wieħed iqabbel l-ammonti ta’ xita mkejla matul l-istess xahar fi snin differenti. L-aktar jiem li fihom niżlet xita kienu dawk ta’ bejn it-8 u l-11 ta’ Frar meta l-maltempata Helios laqtet lill-gżejjer Maltin u ġabet magħha temp instabbli u anke riħ qawwi li f’xi ħinijiet laħħaq qawwa ta’ 49 knot. Fil-fatt, Frar ipproduċa 70% tal-258.0 mm xita mkejla matul ix-xitwa meteoroloġika biex patta għal Diċembru li kien ħafna aktar xott mill-medja (6.4 mm) u Jannar li wkoll kien xi ftit inqas imxarrab min-norma (70.0 mm).
Għall-kuntrarju ta’ Frar, Marzu pproduċa biss 3 mm xita, jiġifieri kien 36.7 mm ‘il bogħod milli jilħaq il-kwota tax-xahar. L-ewwel xahar tar-rebbiegħa meteoroloġika kien segwit minn xahrejn aktar imxarrba mis-soltu hekk kif sistemi ta’ pressjoni baxxa baqgħu jippersistu sa Mejju u ġabu magħhom jiem b’temp instabbli. Dan xorta ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ xita mkejla f’Marzu. Fil-fatt, sal-aħħar tal-istaġun, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 50.0 mm xita, li fisser rebbiegħa aktar xotta min-norma.
L-aħħar staġun tas-sena tax-xita wkoll beda b’temp instabbli hekk kif maltempata bir-ragħad, li ġabet magħha 1.6 mm xita, laqtet lill-gżejjer Maltin fil-ħames jum ta’ Ġunju. Anke jekk Ġunju pproduċa 3.4 mm ta’ xita, xorta waħda kien wieħed mill-aktar xhur xotti tas-sena tax-xita li għaddiet. It-tliet xhur li jimmarkaw is-sajf meteoroloġiku, kollha kienu aktar xotti min-norma, b’Lulju jkun l-uniku xahar li baqa’ niexef qoxqox.
B’544.8 mm xita mkejla bejn Settembru 2022 u Awwissu 2023, is-sena tax-xita 2022-2023 kienet it-tieni sena konsekuttiva li pproduċiet aktar xita min-norma klimatika ta’ 543.4 mm.
//= $special ?>