Ħames persuni li kienu fl-ambulanza ttieħdu l-Isptar, wara li ambulanza baqgħet dieħla fi trakk ipparkjat, fi Triq il-Kanun Ħal Qormi.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar għall-ħabta tat-2:45.
Il-Pulizija marret fil-post u mill-investigazzjoni li saret irriżulta li ambulanza misjuqa minn raġel ta’ 55 sena residenti l-Imqabba, ħabtet ma’ trakk li kien ipparkjat, bil-konsegwenza li t-trakk laqat żewġ vetturi oħra li wkoll kienu pparkjati. Fuq quddiem tal-ambulanza kien hemm ukoll raġel ta’ 54 sena li jgħix Ħal Safi.
Fuq wara tal-ambulanza kien hemm ukoll infermier ta’ 35 sena residenti l-Mosta, kif ukoll żewġ nisa ta’ 49 u 23 sena, it-tnejn residenti Ħad-Dingli.
Kawża tal-impatt, iż-żewġt irġiel, li huma Emergency Ambulance Responders, inqabdu minn saqajhom u nħarġu bl-assistenza tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Fil-fatt, membri tal-Protezzjoni Ċivili kellhom iqattgħu parti mill-ambulanza biex ikunu jistgħu joħorġu liż-żewġ persuni. Il-persuni kollha ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, il-mara ta’ 49 sena u ż-żewġ Emergency Ambulance Responders ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi, filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Fortunatament, ħadd ma kien għaddej bil-pass fuq il-bankina fil-ħin tal-inċident bit-triq kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin.


Ritratti: Noel Zammit
//= $special ?>