Għat-tieni darba fl-istorja tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, ix-Shield intrebħet minn żewġ distretti. Fl-2013 ħadu x-Shield sitt xhur kull wieħed Marsa u Bormla u għaxar snin wara kien imiss il-Birgu u Bormla wara li t-tnejn spiċċaw b’56 punt.
Ir-rebħ tax-Shield għandu sinifikat differenti għaż-żewġ rebbieħa. Għal Birgu dan hu t-tieni suċċess fl-istorja wara nuqqas ta’ 39 sena filwaqt li Bormla issa jinsabu b’total ta’ 22 rebħa u jinsabu biss rebħa bogħod milli jirbħu r-rekord tal-Isla. Ix-Shield għall-ewwel sitt xhur se tkun għand il-Birgu minħabba li kellhom aktar paljijiet minn Bormla.
F’Kategorija B, Bormla reġgħet ħarġet rebbieħa wara s-suċċess tas-sena l-oħra kif ukoll fir-Regatta ta’ Marzu li għadda u tas-sena l-oħra. Il-Kalkara kklassifikaw fit-tieni post u baqgħu b’ċans sal-aħħar tellieqa.
Il-11-il tellieqa fil-programm li saru fil-Port il-Kbir, saru f’kundizzjonijiet mhux faċli minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tar-riħ fuq il-baħar. Ir-rimi beda jkun ta’ ostaklu speċjalment għad-dgħajjes li kienu fuq in-naħa ta’ barra tal-Port. Is-sit netnews.com.mt. aġġornakom wara kull tellieqa li saret illum waranofsinhar.
L-aħħar metri kienu deċiżivi għar-riżultat finali
L-ewwel tellieqa ta’ Kategorija A offriet emozzjonijiet rari hekk kif diversi dgħajjes spiċċaw għerqu kawża tal-ilma sostanzjali li daħlu fid-dgħajjes Tal-Midalji. Rebbieħa spiċċaw Bormla b’distakk minimu fuq il-Birgu, biż-żewġ dgħajjes jinżlu taħt l-ilma wara tmiem it-tellieqa.
Marsamxett b’pass kajman irnexxielhom jispiċċaw fit-tielet post. Id-dgħajjes tal-Marsa u tal-Isla ma spiċċawx it-tellieqa minħabba li għerqet id-dgħajsa. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton, Romario Brignone.
Fit-tellieqa bil-Frejgatini, id-dgħajjes ta’ Bormla u l-Isla ma spiċċawx it-tellieqa. Owden Caruana Smith u Cayvon Gatt ħadu vantaġġ u taw 12-il punt lill-Marsin. Fl-aħħar metri, il-Kalkara qabżet lid-dgħajsa tal-Birgu.
Mument determinanti seħħ f’Tal-Pass ta’ bit-Tnejn. F’sitt minuti u 25 sekonda, il-koppja Clyde Cutajar u Clayton Darmanin tal-Birgu rebħu t-tellieqa b’qadfa fenomenali lejn it-tmiem. Din ir-rebħa mhux biss kienet importanti għall-Ġirbin iżda waqqfet is-sensiela rekord ta’ 20 rebħa konsekuttiva li kisbu Clive Casha u Dennis Thornton meta kienu ma’ Marsa u ma’ Bormla.
Il-Birgu kkonsolidaw il-vantaġġ bit-tieni palju tal-ewwel permezz ta’ Christian Camilleri u Nigel Sant fil-Kajjikki. Dawn iż-żewġ qaddiefa rebħu sena ilu mal-Isla u rrepetew dan is-suċċess iżda mal-Birgu f’ħin ta’ seba’ minuti u erba’ sekondi. Iż-żewġ qaddiefa kellhom qadfa konsistenti u għelbu l-isfida tal-qaddiefa Maximilian Mamo u Romario Brignone ta’ Bormla.
Qabel l-aħħar tellieqa Tal-Pass b’Erbgħa, il-Birgu kellhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq Bormla. Huma riedu biss jispiċċaw qabel l-avversarji biex jaċċertaw mir-rebħa finali.
Din dejjem tkun tellieqa missielta u għal sena oħra reġgħet ma ddiżappuntatx. L-uniku sodisfazzjon fil-ġurnata għas-Sengleani b’rebħa permezz tal-qaddiefa Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci. Fi tmiem eċċitanti, Bormla daħlet it-tieni qabel il-Birgu li rnexxielhom isalvaw it-tielet post għal ftit. B’hekk Bormla rkupraw it-tmien punti żvantaġġ u t-tnejn spiċċaw b’56 punt.
Klassifika Finali: Birgu 56 punt, Bormla 56 punt, Isla 28 punt, Marsa 12-il punt, Marsamxett 12-il punt, Kalkara 8 punti
Bormla jxejnu l-isfida tal-Kalkara f’Kategorija B
Il-Bormliżi rebħu erbgħa minn ħamsa tlielaq f’Kategorija B u spiċċaw b’total ta’ 80 punt. Huma għelbu l-isfida tal-Kalkara li kienu l-aktar sfidanti denji fil-kategorija.
Kienu l-Kalkara li permezz ta’ Gilmore u Godwin Buttigieg rebħu t-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef b’vantaġġ sostanzjali. Bormla rkupraw bir-rebħ fit-tellieqa fil-Kajjikki, bil-koppja Mel Magro u Damien Attard jaqdfu tajjeb lejn l-aħħar fuq in-naħa ta’ ġewwa. Sa dak il-ħin, Bormla u l-Kalkara kienu jinsabu b’24 punt.
Qadfa konsistenti ta’ Matthia Calleja, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Denzel Thornton fuq id-dgħajsa Tal-Midalji tat 20 punt ieħor lid-distrett ta’ Bormla. Id-distakk kompla jikber hekk kif il-Bormliżi rebħu wkoll it-tellieqa bil-Frejgatini.
Il-koppja Mel Magro u Matthia Calleja rebħu b’vantaġġ tajjeb u f’ħin ta’ seba’ minuti u 38 sekonda u kważi kienu ċerti mir-rebħ tax-Shield sakemm il-Kalkara daħlet it-tieni fl-aħħar ħin qabel Birżebbuġa u żammew it-tamiet remoti sal-aħħar tellieqa.
Madankollu fl-aħħar tellieqa dik Tal-Pass b’Erbgħa, Bormla mhux biss spiċċat qabel il-Kalkara iżda rebħet it-tellieqa f’sitt minuti u 12-il sekonda b’vantaġġ minimu fuq il-Kalkara u l-Birgu. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Mel Magro, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Damien Attard.
Klassifika Finali: Bormla 80 punt, Kalkara 48 punt, Birżebbuġa 24 punt, Birgu 14-il punt, Marsamxett 6 punti
Il-Birgu b’rebħa oħra fit-tellieqa tan-nisa
Ikompli d-dominju tal-Birgu fit-tellieqa tal-Frejgatini tan-nisa. Il-koppja Shazel Grima u Glynnis Mizzi kellhom qadfa konsistenti u rebħu mingħajr diffikultà fi tmien minuti u erba’ sekondi.
Din it-tellieqa li kienet l-ewwel waħda fil-programm, uriet id-diffikultajiet li kien se jkollhom il-qaddiefa minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar. Għall-Ġirbin din hi s-seba’ rebħa konsekuttiva f’din it-tellieqa, sensiela li ilha li bdiet mill-2019.
Riżultat – 1. Birgu, 2. Bormla, 3. Birżebbuġa
Ir-Riżultati tat-tlielaq kollha
Tellieqa tan-nisa
Riżultat – 1. Birgu, 2. Bormla, 3. Birżebbuġa
Ekwipaġġ rebbieħ – Shazel Grima, Glynnis Mizzi
L-ewwel tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef
Riżultat – 1. Kalkara 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Marsamxett 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Gilmore Buttigieg, Godwin Buttigieg
It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji
Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Marsamxett 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton, Romario Brignone
It-tielet tellieqa – Kategorija B – Kajjikki
Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, 3. Kalkara 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Mel Magro, Damien Attard
Ir-raba’ tellieqa – Kategorija A – Frejgatini
Riżultat – 1. Marsa 12-il punt, 2. Kalkara 8 punti, 3. Birgu 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Owden Caruana Smith, Cayvon Gatt
Il-ħames tellieqa – Kategorija B – Tal-Midalji
Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Birżebbuġa 12-il punt, 3. Birgu 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Matthia Calleja, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Denzel Thornton
Is-sitt tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass ta’ bit-Tnejn
Riżultat – 1. Birgu 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Marsamxett 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Clyde Cutajar, Clayton Darmanin
Is-seba’ tellieqa – Kategorija B – Frejgatini
Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Kalkara 8 punti, 3. Birżebbuġa 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Mel Magro, Matthia Calleja
It-tmien tellieqa – Kategorija A – Kajjikki
Riżultat – 1. Birgu 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Isla 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Christian Camilleri, Nigel Sant
Id-disa’ tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’Erbgħa
Riżultat – 1. Bormla 24 punt, 2. Kalkara 16-il punt, 3. Birgu 8 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Mel Magro, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Damien Attard
L-għaxar tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass b’Erbgħa
Riżultat – 1. Isla 24 punt, 2. Bormla 16-il punt, 3. Birgu 8 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja, Andre Gauci
Ir-rebbieħa tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja:
Senglea – 23
Bormla – 22
Marsa – 14
Kalkara – 7
Marsamxett – 2
Birgu – 2
Ir-rebbieħa tax-Shield fl-aħħar 10 snin
2014 – Marsa
2015 – Marsa
2016 – Marsa
2017 – Bormla
2018 – Bormla
2019 – Bormla
2020 – Marsa
2021 – ma saritx
2022 – Bormla
2023 – Birgu/Bormla
//= $special ?>