Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-bandiera Russa m’għandhiex post fl-Olimpjadi ta’ Pariġi tas-sena d-dieħla, minħabba d-delitti tal-gwerra mwettqa mir-reġim ta’ Vladimir Putin fl-Ukrajna.
Ir-Russja ilha ma titħalla ittajjar il-bandiera tagħha fl- Olimpjadi mill-Logħob ta’ Rio de Janeiro tal-2016. Minn dakinhar, ir-Russi ilhom jikkompetu fl-Olimpjadi tas-Sajf u tax- Xitwa taħt diversi ismijiet minħabba kwistjonijiet ta’ doping.
F’intervista mal-gazzetta L’Equipe ippubblikata l-Ħamis, Macron qal li ma riedx li r-Russi jtajjru l-bandiera tagħhom f’Pariġi minħabba l-gwerra fl- Ukrajna.
“Ir-Russja, bħala pajjiż, m’għandhiex post fi żmien meta wettqet delitti tal-gwerra u ddeportat tfal,” qal Macron.
Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-isports individwali biex jippermettu lill-atleti mir-Russja u mill-Belarus jikkompetu bħala “atleti newtrali” mingħajr simboli jew bnadar nazzjonali f’avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni Olimpika.
Il-korpi governattivi tal-biċċa l-kbira tal-isports Olimpiku jew diġa’ adottaw il-politika tal- Kumitat Olimpiku Internazzjonali, jew qed jaħdmu fuq pjani biex jagħmlu dan. Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali għadu jirrakkomanda li r-Russja u l-Belarus jiġu pprojbiti minn kompetizzjonijiet tat-timijiet, u li jiġu esklużi atleti li huma affiljati mal-forzi militari jew tas-sigurtà.