Internazzjonali

L-Istati Uniti: Joe Biden akkużat dwar ‘ftehim sigriet mal-Iran’

Grupp ta’ Repubblikani fil-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti qed jakkużaw lill-President tal-Istati Uniti Joe Biden dwar sehem fi ‘ftehim sigriet’ mal-Gvern Iranjan li hu relatat mal-proliferazzjoni tan-nukleari mill-pajjiż fundamentalista.

L-akkużi – iddettaljati f’ittra – isegwu t-tentattivi, fl-aħħar sentejn,  mill-Gvern ta’ Biden biex jinnegozja mill-ġdid il-ftehim storiku tal-2015 biex l-Iran inaqqas sew mill-potenzjal nukleari.

L-eks President Amerikan Barack Obama kien iffirma għall-ftehim f’dik is-sena u l-President suċċessur tiegħu Donald Trump  kien ħareġ lill-Istati Uniti minnu tliet snin wara.

Intant, l-ittra tar-Repubblikani esprimiet l-inkwiet li l-ebda ftehim mal-Iran mgħandu jwaqqaf lir-reġim Iżlamiku f’Tehran milli jippersisti lejn il-kisba tal-ewwel arma nukleari. Il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti Washington wissew ukoll li l-Iran, illum, għandu biżżejjed materjal għal żewġ armi nukleari u li Tehran għamilha ċara li ma jridx jirrispetta aktar il-ftehim tal-2015.