Pajjiżna fakkar Jum il-Vitorja – il-festa li fiha bħala poplu niċċelebraw żewġ rebħiet kbar fl-istorja ta’ pajjiżna; ir-rebħa fl-Assedju l-Kbir fl-1565 u t-tmiem tal-bumbardamenti fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.
Dawn iż-żewġ rebħiet ifakkru kif l-Maltin matul is-snin ħadmu bis-sħiħ flimkien, bi tbatija kbira, biex jipproteġu l-ħajja tal-poplu kollu.
Lejliet il-Vitorja, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi mexxa Pontifikal fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar fejn tkellem dwar diversi temi li qed jolqtu lil pajjiżna bħalissa – fosthom il-kriżi tad-droga, il-problema tas-suwiċidju u l-kwistjoni tal-abort.
Waqt l-omelija l-Monsinjur Galea Curi qal li għandna bżonn nipproteġu l-ħajja billi nkomplu nwasslu messaġġ ċar li d-droga tagħmel il-ħsara u li mhix mezz san ta’ rikreazzjoni. Huwa sostna li min huwa responsabbli għall-qerda tal-ħajja u tas-saħħa ta’ dawn in-nies għandu piż kbir xi jġorr.
Apparti minn hekk, l-Isqof Awżiljarju qal li hawn diversi persuni vulnerabbli li qed jaraw il-ħajja iebsa wisq biex jgħixuha, fejn hawnhekk appella sabiex dawk li qed iħossuhom hekk m’għandhomx jidejjqu jitolbu għal għajnuna.
Hu semma’ wkoll kif il-Vitorja turina li l-vera rebħa ta’ pajjiżna hi meta nħaddnu l-valuri li jibnu soċjetà li tgħożż il-ħajja u d-dinjità: l-onestà, l-integrità, il-ġustizzja, is-solidarjetà. U meta nagħrfu li l-korruzzjoni, il-frodi, l-illegalità u l-egoiżmu strutturat huma telliefa mhux rebbieħa.
Intant, il-Ġimgħa filgħodu f’Jum il-Vitorja sar it-tqegħid tal-kuruni mill-President George Vella fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.
Il-festa tal-Bambina, fit-8 ta’ Settembru, tiġi iċċelebrata fl-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u fix-Xagħra Għawdex.
//= $special ?>