Internazzjonali

Sena mill-mewt tar-Reġina Eliżabetta II

“Infakkru fil-ħajja twila tagħha, is-servizz devot u dak kollu li kienet tfisser għal ħafna minna”.

Hekk stqarr ir-Re Karlu III fil-messaġġ tiegħu li fih fakkar il-memorja ta’ ommu ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni fl-ewwel anniversarju mill-mewt tagħha – jum li kien ħalla popli sħaħ minn madwar id-dinja kollha inkullati mas-settijiet tat-televiżjoni u bil-mobiles f’idejhom biex isegwu dak li kien qed jiġri fl-Iskozja.

Ir-reġina mietet ftit wara li ċċelebrat il-Ġubilew tal-Platinu fl-okażżjoni tas-70 sena’ minn mindu kienet ġiet inkurunata bħala ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni.

Hi mietet fl-eta’ ta 96 sena. U l-aħbar tal-mewt tagħha nisslet dieqa mhux biss fir-Renju Unit imma fost ħafna popli oħra f’kull rokna tad-dinja.

Fl-aħħar sigħat, kien hemm ħafna li kitbu messaġġi sbieħ fuq il-midja soċjali fl-okkażżjoni tal-ewwel anniversarju mill-mewt tar-Reġina Eliżabetta, fosthom il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak illi qal li l-frott li ħalliet warajha r-Reġina “jidher akbar wara mewtha”

Il-kwalitajiet partikolari li kellha r-Reġina Eliżabetta t-Tieni kienu strumentali biex żammet sens ta stabilita’ fir-Renju Unit għal ħafna snin. Fil-fatt tul ir-renju tagħha ta’ 70 sena ir-Reġina Eliżabetta tat il-ġurament lil xejn anqas minn 15-il Prim Ministru.

Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni għexet għal madwar sentejn f’Malta fejn kienet tiddeskrivi lil pajjiżna bħala gżira ta’ ħafna memorji mill-isbaħ.