Lokali

Tintlemaħ tromba bejn Malta u Għawdex; posposti l-purċissjonijiet tal-Mellieħa u n-Naxxar kaġun tar-riħ qawwi

Fl-aħħar ħin ġie mħabbar li l-purċissjonijiet tal-festa ta’ Maria Bambina fil-Mellieħa u n-Naxxar ġew posposti għal nhar il-Ħadd li ġej minħabba r-riħ qawwi li qed jolqot lill-gżejjer Maltin.

Il-purċissjoni tan-Naxxar se tkun qed tibda l-Ħadd fis-6:45 pm filwaqt li dik fil-Mellieħa se toħroġ fis-7 pm.

Dan filwaqt li l-parroċċa tal-Isla ħabbret li minħabba l-maltemp, il-purċissjoni se tkun qed tieħu rotta daqsxejn differenti u se tgħaddi minn Triq iż-Żewġ Mini.

Intant, ix-xita u r-riħ qawwi li qed jolqot lil pajjiżna wassal biex iffurmat tromba tal-ilma bejn iż-żewġ gżejjer Maltin. Tromba hi magħrufa li tifforma meta kolonna ta’ arja tiżviluppa rotazzjoni vertikali. Din ir-rotazzjoni twassal sabiex il-fwar li jkun hemm fl-arja maqbuda f’dan il-vortiċe jiksaħ, jikkondensa u jsir sħab. Din il-kolonna tibda testendi l-isfel u tieħu l-forma ta’ lembut taħt is-sħaba.

Dawk li nesperjenzaw f’pajjiżna huma inqas distruttiva, u rariment ikunu mit-tip ta’ sħab li jiżviluppaw f’tornadoes li huma ferm aktar b’saħħithom u perikolużi.

Matul l-aħħar jiem rajna lix-xemx tinħeba wara s-sħab wara li pressjoni baxxa ġiet mill-Greċja lejn il-Gżejjer Maltin, pressjoni baxxa li wasslet biex tiżdied l-instabbiltà fit-temp. Dan wassal ukoll biex it-temperaturi niżlu xi ftit jew wisq tant li fl-aħħar jiem kelna temperaturi taħt it-30°C.

Iżda, għal dawk li ma laqathom xejn dan it-temp ikrah, ma tantx baqalkhom tesperjenzawh hekk kif it-temp xitwi żgur mhux forsi għadu ‘l bogħod minn pajjiżna. Fil-fatt, għall-ġimgħa d-dieħla mistennija li t-temperaturi jerġgħu jmissu t-30°C filwaqt li x-xemx se tkun qed tiżreġ minn wara xi ftit sħab filwaqt li r-riħ se jonqos sew u minn forza 5-6 se jinżel forza 2-3.