Lokali

Wara li ħadulhom il-vot ħallewhom b’xejn – PN

Il-Partit Nazzjonalista tkellem kemm-il darba u staqsa lill-Ministru konċernat dwar kuntratti li kienu ffirmati ftit jiem qabel l-elezzjoni. Kemm ħadulhom il-vot, u sena u nofs wara, għadhom ma ħadu la unit tal-housing u lanqas risposta.

Dan intqal fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Meta jaqbel lilhom, jirreferu għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali tal-individwi bi skuża biex ma jipprovdux id-dettalji mitluba. Jgħidu li tkun “informazzjoni sensittiva” anke jekk l-informazzjoni mitluba tkun waħda ġenerika.

Għall-kuntrarju, il-Ministru Roderick Galdes indirizza konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar kemm-il każ ta’ tiswija strutturali sar f’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali. Servizz li kien minn dejjem u li seħħ taħt kull Ministru mill-bidu tat-twaqqif tal-Awtorità tad-Djar.

Min iffirma kuntratt u għadu barra mill-housing soċjali jrid jisma’ mqar kelma waħda dwar l-għexieren ta’ postijiet tal-Gvern li kienu mwegħda lil diversi familji fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali. Is-sidien ġodda kienu mwegħda li se jidħlu fl-appartament tagħhom fi ftit ġimgħat, iżda s’issa, għadhom b’xejn.

Il-Partit Nazzjonalista mhux biss ilu jitkellem dwar dan, iżda ilu wkoll is-snin jistaqsi u meta se jkunu lesti u okkupati l-appartamenti l-ġodda wara li ħames snin ilu, il-Gvern wieġeb fil-Parlament li “l-appartamenti l-ġodda mistennija jkunu lesti fl-2021.”

Iżda għal-Labour ta’ Robert Abela, hemm krib li jbati biex jisma’, krib ieħor li ma jridx jisma’ u krib ieħor li ma jaqbillux jisma’.

B’daqqa ta’ firma ħadulhom il-vot. B’ daqqa ta’ firma qatawhom mid-dinja.