Lokali

Żdiedu l-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Matul ix-xahar ta’ Awwissu f’perjodu fejn l-istaġun tas-sajf ikun laħaq il-qofol tiegħu bit-tfal ikunu għadhom għaddejjin bil-vaganzi tas-sajf bosta jmorru fuq vaganza sabiex jaqtaw mir-rutina ta’ kuljum.

Dan filwaqt li eluf ta’ turisti jerħulha lejn pajjiżna sabiex igawdu x-xemx, il-baħar u dak kollu li għandu x’joffri pajjiżna.

Fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta intqal li f’Awwissu l-ajruport ra xejra pożittiva hekk kif għaddew ‘il fuq minn 850,000 passiġġier – żieda ta’ 6.7% fuq is-sena 2019.

Fl-istqarrija intqal li s-seat load factor laħaq l-ogħla livell ta 91.4%, hekk kif f’Awwissu diversi nies rħewlha lejn id-destinazzjoni preferuta tagħhom.

Miċ-ċifri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher biċ-ċar li ż-żieda tat-turisti kienet minn diversi destinazzjonijiet iżda l-Italja baqa’ l-aktar suq popolari għal pajjiżna b’aktar minn 240,000 moviment tal-passiġġieri.

Apparti minn hekk, is-suq Taljan huwa segwit mis-suq Ingliż iżda dan is-suq għadu ma laħaqx il-popolarità li kellu qabel il-perjodu tal-pandemija.

Intant, is-suq Ġermaniż jerġa’ jinsab fit-tielet post, segwit minn Franza li qabel kien propju jokkupa dan il- post. Minn naħa l-oħra s-suq Spanjol ma ra l-ebda bidla u għalhekk għadu l-ħames l-aktar suq popolari għal pajjiżna.