Lokali Saħħa

Tnaqqis ta’ iktar minn miljun ewro għas-settur tas-saħħa mentali meta l-pazjenti qed ikomplu jiżdiedu

Ċifri ppublikati fil-Parlament juru li l-Gvern, meta kkumparat mas-snin passati, alloka mal-miljun ewro inqas għas-settur tas-saħħa mentali. U dan meta fl-aħħar xhur rajna żieda sostanzjali fil-pazjenti li jeħtieġu l-kura għas-saħħa mentali.

Fil-fatt, fl-2020 u fl-2021 kienu ġew allokati madwar miljun u 200 elf ewro għal kull sena għal investiment strutturali fl-Isptar Monte Karmeli filwaqt li għall-2022 ngħataw biss ftit iktar minn 200 elf ewro.

Għaddew snin mindu l-Partit Nazzjonalista beda jappella lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni dwar l-istat diżastruż li l-Isptar Monte Karmeli jinsab fih. Iżda sa issa… l-ebda amministrazzjoni – la dik ta’ Muscat u lanqas dik preżenti ta’ Robert Abela – ma ħadet azzjoni. B’riżultat li dan l-isptar baqa’ abbandunat.

Dwar dan kollu, Net News tkellem mad-Deputat Ian Vassallo li rrimarka n-nuqqas drastiku ta’ fondi għal dan is-settur minkejja li qed naraw żieda fil-pazjenti li jeħtieġu l-kura speċjalizzata.

U skont ċifri mogħtija fil-Parlament għall-Mistoqsijiet Parlamentari lill-Ministru Chris Fearne, intqal illi is-suwiċidju fiż-żgħażagħ ta’ anqas minn 25 sena żdied b’ħames darbiet. Iċ-ċifri juru wkoll li fejn qabel kważi ma kienx ikun hemm każijiet ta’ suwiċidju fost nies ta’ aktar minn 75 sena, in-numri fl-aħħar sentejn żdiedu wkoll b’erba’ darbiet.

Ian Vassallo qal li hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex nevitaw li naraw iktar vittmi.

Dan ukoll fid-dawl li ċ-ċifri juru li huma biss 82 infermiera speċjalizzati li jaħdmu fil-kura tas-saħħa mentali f’Mount Carmel, ħamsa jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u 37 li jaħdmu fil-komunità. Dawn lanqas biss jammontaw għal 125 infermier.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jaħdem sew dwar dan tant li kif fisser Ian Vaasallo, f’ħidma ma’ diversi individwi, professjonisti u għaqdiet, ġie ifformulat pjan politiku għal dan is-settur.