Fil-21 ta’ Settembru pajjiżna jfakkar it-59 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna. L-istorja ta’ kif wasalna għal din il-kisba ma kinitx waħda faċli.
Hi storja mifruxa fuq ħafna snin iżda sabet ir-realizzazzjoni tagħha fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija
meta l-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Ġorġ Borġ Olivier, ħadem u stinka biex pajjiżna ma jibqax kolonja u hekk isir il-poplu Malti u Għawdxi jkollhom l-aħjar mod biex pajjiżna jimxi tassew ’il quddiem u, fuq kollox, l-istess poplu Malti u Għawdxi jkollu rajh f’idejh.
Għal dawn il-Ħdud ta’ Settembru u bi tħejjija għat-59 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, tkellem ma’ Joe Zahra, Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Opinjonista, biex jagħtina aktar tagħrif dwar dan il-jum storiku u importanti fl-istorja ta’ pajjiżna – il-21 ta’ Settembru 1964.
Wasalna biex niċċelebraw it-59 sena ta’ Indipendenza. Ħafna jiftakru dak il-jum sabiħ. Ħafna u ħafna
oħrajn le. Iżda minn fejn bdejna biex wasalna?
Veru li l-Indipendenza nkisbet fil-21 ta’ Settembru 1964, iżda l-ħolma li pajjiżna jkollu rajh f’idejh kienet
waħda li kiddet lill-antenati Nazzjonalisti għal bosta snin. Nitkellmu dwar Fortunato Mizzi, Giorgio Mitrovich, Salvu Cachia Zammit, Nerik Mizzi, Sir Ugo Mifsud u ħafna u ħafna oħrajn. Biss kellha tkun it-tenaċja ta’ Ġorġ Borg Olivier li wasslitna biex niksbu l-Indipedenza mir-Renju Unit.
Ġorġ Borġ Olivier ikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu fl-1939 meta kellu 28 sena. Minkejja ta’ età żgħira kien elett mill-ewwel darba li kkontesta, fl-1939. L-elezzjoni ġenerali kienet għall-Kunsill tal-Gvern u kien elett għall-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud u Nerik Mizzi. Għadda mill-ewwel mill-iebes meta ddeportaw lil Nerik Mizzi lejn l-Uganda u Sir Ugo Mifsud miet jiddefendi lil Nerik Mizzi fil-Kunsill tal-Gvern. Sab lilu nnifsu waħdu jżomm il-bandiera tal-Partit Nazzjonalista tperper!
Kienu żminijiet koroħ għall-PN għaliex peress li l-PN kien favur il-lingwa Taljana, għaliex dejjem qiesha bħal sur kontra l-imperjaliżmu Ingliż u bħala mezz li permezz tiegħu ma ninbelgħux mill-Inġliżi, fi żmien il-Gwerra pinġew lin-Nazzjonalisti bħala responsabbli għall-bombi li kienu qed jaqgħu fuq Malta. Iżda Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu u baqa’ għaddej.
Il-Gwerra ġiet fi tmiemha, Nerik Mizzi ġie lura mid-deportazzjoni u x’sar? Appena Nerik Mizzi rritorna mill-Uganda bdew isiru tħejjijiet biex il-PN jerġa’ jingħata spinta. Saru l- elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Gvern fl-1945 li l-PN ma kkontestax. Sadattant Malta ngħatat kostituzzjoni li kienet tixbaħ dik tal-1921 li l-PN iddeċieda li jikkontesta.
Fil-21 ta’ Settembru 1947, il-PN sejjaħ l-ewwel Kungesss tiegħu ta’ wara l-Gwerra li għalih attendew ikrar minn elf persuna.
Dan kien indirizzat minn Nerik Mizzi u approva l-Programm Elettorali għall-elezzjoni tal-1947. Saret l-
elezzjoni ġenerali u l-PN kiseb 18 fil-mija tal-voti u 7 deputati minn 40. F’dik l-elezzjoni l-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Pawlu Boffa, kiseb 59.9 fil-mija tal-voti u 24 siġġu. Inqas minn tliet snin wara, l-Partit Laburista inqasam. Mintoff inħatar kap tal-Partit u Pawlu Boffa waqqaf il-Partit tal-Ħaddiema Maltin (CWP).
Fl-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru 1950 il-PN kiseb l-ogħla perċentaġġ ta’ voti, 29.6 fil-mija, il-Partit Laburista 28.6 fil-mija u l-Partit tal-Ħaddiema (MWP ta’ Boffa) kiseb 23.2 fil-mija. Nerik Mizzi nħatar Prim Ministru ta’ gvern ta’ minoranza.
Nerik Mizzi ma kellux igawdi l-kariga ta’ Prim Ministru għal ħafna żmien għaliex miet fl-20 ta’ Diċembru 1950 u nħatar Kap tal-PN u Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier. Borg Olivier kien l-id il-leminija ta’ Nerik Mizzi. Fit-tieni Kungress tal-PN wara l-Gwerra, dak tat-18 ta’ Settembru 1949, Ġorġ Borg Olivier inħatar Viċi Kap tal-PN.
S’issa fl-ebda ħin ma ssemmiet l-Indipendenza. Allura din kienet intefgħet taħt it-tapit?
Xejn minn dan! F’Ottubru tal-1949 Nerik Mizzi kien sofra attakk tal-qalb u Ġorġ Borg Olivier kien jidher għalih fil-Parlament. Meta bdiet toqrob l-elezzjoni ta’ Settembru 1950, il-PN żamm Kungress fil-15 ta’ Awwissu.
F’xandira minn fuq ir-Rediffusion fit-13 tal-istess xahar, Ġorġ Borg Olivier tenna li: “Jekk il-PN fl-interess tal- ġid tal-Maltin qed jinsisti għal veru Gvern responsabbli, jiġifieri li jkollu f’idejh il-kwistjonijiet u d-drittijiet politiċi kollha ta’ pajjiżna, mhux qed jagħmel ħaġa oħra ħlief jitħabat biex jikseb dak li l-istess Ingliżi bdew jammettu li jridu jaslu biex jiksbu l-kolonji kollha.”
B’dan il-paragrafu tifhem kemm kien politiku fin Ġorġ Borg Olivier. F’Malta l-idea tal-Indipendenza wara l-
Gwerra ma kenitx għadha daħlet. Ma tantx kienet tinżel tajjeb fost il-maġġoranza tal-Maltin. Allura Ġorġ Borg Olivier jgħid lill-Maltin li l-Ingliżi qed jammettu li jridu jagħtuha lill-kolonji kollha, u allura għaliex aħna le!
Kien hemm l-elezzjoni ġenerali tal-1950 u x’ġara?
Kif għidt diġà f’din l-elezzjoni l-PN l-iktar li kiseb voti u għalhekk ifforma gvern ta’ minoranza b’Nerik Mizzi Prim Ministru. Wara l-mewt ta’ Nerik Mizzi, Ġorġ Borg Olivier sab lilu nnifsu Kap tal-PNu Prim Ministru.
F’Mejju tal-1951 saret elezzjoni ġenerali oħra li fiha l-PN eleġġa 15-il Deputat, il-Partit Laburista 14, il-MWP ta’ Boffa 7 u l-Partit Kostituzzjonali 4. Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier daħal fi gvern ta’ koalizzjoni mal-Partit ta’ Boffa.
F’Mejju 1952 Ġorġ Borg Olivier mexxa delegazzjoni Ministerjali għal taħditiet f’Londra. F’dawn it-taħditiet,
minbarra dwar l-affarijiet ekonomiċi, tkellem dwar arranġamenti dwar kwisjonijiet kostituzzjonali.
Fis-sena ta’ wara, fl-1953 kellha ssir l-inkonorazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. Minħabba li l-Gvern qies li
pajjiżna ma kienx qed ikun trattat tajjeb, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier għażel li ma jmurx għaċ-
ċelebrazzjonijiet.
Fuq intervent tal-istess Reġina u l-Prim Ministru Winston Churchill, kien deċiż li Malta tingħata l-istess
trattament ta’ pajjiżi tal-Commonwealth billi l-bandiera Maltija tittella’ waħedha matul iċ-ċelebrazzjonijiet rjali u l-Prim Ministru Malti jkun mal-Prim Ministri tal-Commonwealth fiċ-ċelebrazzjonijiet.
Spiċċaw iċ-ċelebrazzjonijiet u l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, qabel irritorna lejn Malta, ippreżenta lill-
Ministru tal-Istat għall-Kolonji memorandum li jfisser ir-raġunijiet għaliex l-affarijiet ta’ Malta kellhom jiġu
trasferiti mill-Uffiċċju tal-Kolonji għall-Uffiċċju tal-Commonwealth.
Dan nistgħu nqisuh l-ewwel pass konkret wara t-tieni gwerra dinjija lejn it-talba ta’ pajjiżna biex jikseb l-
Indipendenza fi ħdan il-Commonwealth.
Għamilna l-ewwel pass iżda mbagħad ma sarx kollox suf bil-proposta tal-integration?
Kollox suf le! Iżda morna snin lura. Fl-1953 saret elezzjoni oħra li fiha l-Partit Laburista ħareġ l-ikbar partit
b’19-il Deputat. Il-PN kellu 18 u l-Partit ta’ Boffa 3. Reġa’ nħatar gvern ta’ koalizzjoni bejn il-PN u l-MWP.
Iżda dan ma kellux ħajja twila.
L-Ingliżi m’għoġbithomx il-politika tal-PN li ried l-Indipendenza għal pajjiżna. Għalhekk bdew jaħdmu minn taħt fuq il-proposta tal-Integration. Sabu f’Lord Mountbatten alleat kbir. Dan ma tantx kien jara ħelu lil Ġorġ Borg Olivier għaliex dan ma kienx ħalla li ż-żwiemel tal-kavallerija tal-Korp tal-Pulizja jintużaw minn Lord Mountbatten biex jilgħab il-polo fil-Marsa.
Dan, flimkien mal-Gvernatur Sir Robert Laycock, ħadmu id f’id ma’ Duminku Mintoff favur il-proposta tal-
Integration. Il-poplu kien mogħmi bil-wiegħda li jekk Malta tintegra mar-Renju Unit kien jibda jkollu paga ta’ disa’ liri fil-ġimgħa. Id-doppju li kienu jaqilgħu l-Maltin.
Wara ħafna manuvri l-gvern ta’ koalizzjoni Nazzjonalista kien megħlub u saru l-elezzjonijiet fi Frar 1955 li
fihom il-Partit Laburista tella’ 23 deputat u l-PN 17.
Hekk bdiet il-ġlieda tal-PN kontra l-integration. Ġlieda li għall-PN kienet tfisser ħajja jew mewt għaliex fl-
integration kien ikun addio għal pajjiżna li jikkmanda lilu nnifsu. Konna nsiru parti mir-Renju Unit, qatra ilma f’nofs oċean. Basta jkollna tliet membri parlamentari f’House of Commons ta’ iktar minn 600 membru!
Kif spiċċat il-proposta tal-integration?
Sar referendum li fih il-Gvern ta’ Mintoff daħħal il-kunċett tat-trusted friend. Il-PN wieġeb billi ordna bojkott għall-istess referendum. Ir-referendum sar. Ir-riżultat kien: voti favur – 67,607; astjenew – 62,480; voti kontra – 20,177 u voti nulli – 2,559. Għalkemm ir-riżultat kien jidher li kien wieħed favur l-integration, kull min kien konxju mill-bojkott, inklużi l-Ingliżi, irrealizzaw li l-proposta ma kellhiex l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Maltin.
Sadattant fl-1956 faqqgħet il-gwerra tal-Kanal tas-Swejz fejn l-Ingliżi u l-Franċiżi ma ħarġux rebbieħa. F’daqqa waħda r-Renju Unit tilef il-pożizzjoni tiegħu bħala potenza militari u beda jnaqqas il-forzi militari tiegħu minn kullimkien.
Malta ma kenitx eċċezzjoni u anke fuq pajjiżna kienet se taqa’ l-giljottina tas-sensji. Il-Gvern Ingliż deher li ftit kien għad baqagħlu interess fl-Integration. Dan wassal biex il-Gvern ta’ Duminku Mintoff jibdel ir-rotta u jmur għall-istess linja politika tal-PN.
Fit-30 ta’ Diċembru 1957 il-Parlament Malti ressaq Mozzjoni b’urġenza proposta mill-Prim Ministru Mintoff u ssekondata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Ġorġ Borg Olivier li kienet tgħid: “Darba l-Gvern Ingliż ma jridx jonora l-obbligu li daħal għalih fid-Dikjarazzjoni ta’ Lulju 1955, li jevita l-qgħad, ir-rappreżentanti tal-poplu Malti fil- Parlament miġbura, jiddikjaraw li jinħallu mill-pattijiet u obbligi li għandhom lejn il-Gvern Ingliż u minn dan sal-lum assunti lejn l-alleati tiegħu – u dan sakemm il-Gvern Ingliż ma jagħtix garanzija li l-għadd tan-nies miegħu impjegati f’Malta ma jonqosx qabel ma jkun hemm ‘alternative employment’ għan-nies li jingħataw is-sensji.”
Din baqgħet magħrufa bħala l-Break with Britain Resolution. Mozzjoni li wasslet lil Duminkui Mintoff u lill-
Partit tiegħu biex huma wkoll, bħall-PN, jaqbdu t-triq tal-Indipendenza għal pajjiżna.