Lokali

“Ġejna ingannati u użati mill-Partit Laburista”

Ikomplu joħorġu aktar dettalji dwar l-aħħar skandlu li qed jaffaċċja l-Gvern ta’ Robert Abela… il-miljuni ta’ ewro li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi fil-frodi tal-benefiċċju soċjali. Dan hekk kif aktar persuni qed isemmgħu leħinhom dwar kif ġew ingannati u użati mill-Partit Laburista.

Persuna li tkellmet mat-Times of Malta rrakkontat kif irċeviet dawn il-benefiċċji bil-patt u l-kundizzjoni li fl-elezzjoni ġenerali tivvota lill-Partit Laburista u li tħallas sena commissions lill-persuna li għenietha.

Bl-istess persuna tikkonferma kif hemm aktar nies involuti f’dawn ir-racket ta’ frodi ta’ benefiċċji soċjali.

Persuna oħra rakkontat li marret għand l-eks deputat Laburista Silvio Grixti pesonalment fejn kien proprju hu li spjegalu xi jrid jagħmel sabiex jibda jieħu dan il-benefiċċju. Dan filwaqt illi kien assigurat li ma kienx se jinqabad.

Mara oħra li tkellmet mat-Times kkonfermat li kienu  nies minn Kastilja li rreferewha għand Silvio Grixti.

Il-persuni kollha qalu li meta dehru quddiem il-bord f’Santa Venera damu biss ftit minuti sakemm ngħataw il-karti kollha li kellhom bżonn…u li x’aktarx kienu dokumenti foloz. Huma stqarrew li damu jieħdu dan il-benefiċċju għal numru ta’ snin… sakemm imbagħad ċemplulhom il-Pulizija fejn issa se jkunu mġiegħla jirritornaw il-flus kollha li rċevew.

Jidher li dan ir-racket ilu sejjer taħt il-Gvern tal-Labour għall-aħħar 10 snin. Iżda kien biss fl-aħħar ġimgħat meta il-Pulizija bdiet tressaq xi persuni akkużati li ffrodaw fil-benefiċċji soċjali – għalkemm fix-xhieda tagħhom mal-Pulizija qed jisħqu li kienu l-uffiċjali tal-Gvern jew saħansitra persuni f’karigi għoljin qrib il-Kabinett ta’ Abela li rreferewhom biex jieħdu dawn il-benefiċċji soċjali.