Lokali

‘Il fuq minn 1,100 persuna jiffirmaw il-petizzjoni għall-protezzjoni tal-Fosos

Fil-petizzjoni li nieda ġimgħa ilu l-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana James Aaron Ellul, ‘il fuq minn 1,100 persuna ffirmaw biex l-akbar pjazza f’Malta tkun protetta u ma tibqax f’abbandun sħiħ.

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, James Aaron Ellul qal kif pjazza San Publju u l-madwar qed jesperjenzaw inkonvenjenza u tkissir tal-patrimonju Malti. Huwa qal li l-pjazza għandha tibqa’ tilqa’ n-nies hekk kif hi tan-nies u tajjeb li jsiru attivitajiet ta’ rikreazzjoni. Madanakollu, il-mod u l-kif għandu jinbidel.

James Aaron Ellul qal li sitt snin ilu ressaq mozzjoni fil-Kunsill Lokali tal-Floriana għal assigurazzjoni tal-pjazez tagħna bi prijorità tkun il-Fosos. Id-diskussjoni waslet biex tinħareġ aktar fil-beraħ in-nuqqas ta’ ħarsien tal-Fosos. Iżda, sitt snin wara għadu ma sar xejn, ħlief li l-Fosos qed jinkissru kompletament.

Fuq il-programm Perspettivi, James Aaron Ellul, tenna li fuq livell artistiku, il-Fosos jinsabu fi Grad numru 1, grad li fih hemm anki l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Huwa saqsa, li l-Pjazza għandha daqstant valur artisktiku, x’inhu jżomm lill-awtoritajiet li għandhom is-setgħa li jieħdu l-pass li jmiss u jħarsu l-Fosos. Ellul appella biex kull min għandu għal qalbu din il-pjazza jiffirma din il-petizzjoni sabiex l-akbar pjazza tal-Maltin tkun protetta bix-xieraq.