Internazzjonali

Il-G20: L-Ukrajna baqgħet mingħajr kundanna qawwija għall-gwerra fl-artijiet tagħha

L-Ukrajna ma żammitx lura milli tesprimi diżappunt dwar id-dikjarazzjoni finali tal-Mexxejja tal-Aktar 20 Pajjiż Industrijalizzat tad-Dinja (G20) li ltaqgħu għas-summit ta’ jumejn fi New Delhi, il-kapitali tal-Indja. Fil-fatt, il-Gvern fi Kiev qed jidher urtat sew għad-dikjarazzjoni li ma kritikatx direttament lir-Russja għall-gwerra li ilha għaddejja għal aktar minn sena u nofs fl-Ukrajna.

Is-summit tal-G20, sadanittant, ikkonkluda b’din id-dikjarazzjoni konġunta formali li ma rreferietx għar-Russja wara sigħat ta’ negozjati.

U waqt li l-Gvern Ukren esprima ruħu ‘mhux kuntent’ dar il-kliem finali, hu fl-istess ħin, ma naqasx milli  jirringrazzja lil dawk il-Mexxejja li pruvaw għal stqarrija aktar iebsa fil-konfront tar-Russja.

Madankollu, ir-Russja – permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barrnin Sergei Lavrov — fissret is-summit tal-G20 bħala tragward importanti. Dan ukoll waqt li Moska faħħret lill-Indja (li qed tavviċina dejjem aktar lir-Russja) dwar ir-rwol tagħha biex twassal għal konsensus relatat mal-istqarrija finali tal-Grupp.

In-negozjaturi tar-Russja komplew li l-istqarrija finali kienet waħda ‘ibbilanċjata’ u li kien hemm negozjati diffiċli ħafna dwar l-issue tal-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uiniti Joe Biden qal li d-summit tal-G20 wera li l-pajjiżi rappreżentati jistgħu xorta waħda joffru soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet tad-dinja minkejja l-problemi għall-ekonomikja globali, il-kriżi relatata mal-klima u l-arja ta’ konflitt fl-aktar reġjuni sensittivi.

Waqt is-summit spikka n-nuqqas tal-President Russu Vladimir Putin u tal-President taċ-Ċina Xi Jinping, li kienu rappreżentati minn uffiċjali għoljin tal-Gvernijiet rispettivi.

Sadanittant, il-President ta’ Franza Emmanuel Macron qal li Putin ma attendiex fi New Delhi ‘għaliex spiċċa sanzjonat mill-maġġoranza tal-Mexxejja tal-G20’ filwaqt li tenna li kien faċli li jintlaħaq konsensus dwar id-dikjarazzjoni konġunta tal-Grupp.

Madankollu , il-Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau jaħsibha differenti minn Macron u qal li l-mexxejja kellhom jistinkaw ħafna biex jilħqu l-konsensus . Hu kompla li kieku l-għażla kienet tiegħu, il-lingwaġġ dwar il-gwerra tal-Ukrajna fid-dikjarazzjoni kien ikun ferm aktar qawwi mill-istqarrija finali.